It-tifla tas-sieħba ta' Darren Debono u eks uffiċjal ta' bank jitpoġġew taħt att ta' akkuża

Huma tressqu l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, biż-żewġ persuni jkunu akkużati minħabba suspett li żewġ ristoranti, wieħed fil-Belt Valletta u l-ieħor f'Marsaxlokk, kienu qed jintużaw b'rabta ma' ħasil ta' flus u anke mal-każ tal-kuntrabandu taż-żejt

Il-Qorti sabet biżżejjed provi biex Florinda Sultana, it-tifla tas-sieħba ta' Darren Debono u anke Albert Buttigieg, eks uffiċjal ta' bank, jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża dwar frodi u ħasil tal-flus.

Huma tressqu l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, biż-żewġ persuni jkunu akkużati minħabba suspett li żewġ ristoranti, wieħed fil-Belt Valletta u l-ieħor f'Marsaxlokk, kienu qed jintużaw b'rabta ma' ħasil ta' flus u anke mal-każ tal-kuntrabandu taż-żejt.

Fost oħrajn, xehed il-Perit Daniel Micallef minn XYZ Ltd li tkellem dwar diversi applikazzjonijiet tal-ippjanar li saru f'isem ir-ristorant fil-Belt. Xehed kif ix-xogħol kien mitlub minn Darren Debono, l-eks futboler internazzjonali jew inkella l-istess Sultana.

Uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar ippreżenta għadd ta’ dokumenti relatati maż-żewġ restoranti, fosthom applikazzjoni li saret minn Albert Buttigieg.

Xehdet Melanie Brincat, li tiġi minn Sultana u spjegat fil-Qorti kien hi kienet taħdem f'waħda mill-kumpaniji li kienet titmexxa minn Darren Debono. Qalet li hi kienet tqassam il-ħut fil-lukandi, ħwienet u restoranti.

Ir-raġel tagħha kien jaħdem part-time f'Capo Mulini li jmexxi Buttigieg. Brincat spjegat kif Buttigieg xtaq li jikri l-propjretà f’Marsaxlokk lill-impjegati tiegħu.

Mistoqsijin dwar il-flus li kienu jagħmlu kuljum, ix-xhieda qalu li kienu jgħadduhom direttament lil Buttigieg. 

Fi tmiem is-seduta, il-qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

More in Politika