Jiżdiedu s-sentimenti dipressivi u dawk li qed iħossuhom waħedhom iżda tiżdied it-tama fost l-anzjani

Il-Fondazzjoni Richmond tippubblika t-tmien studju li għamlet fi żmien il-pandemija biex tkejjel il-benessri psikoloġiku tal-pajjiż

It-tmien studju li Richmond Foundation wettqet fuq il-benessri psikoloġiku tan-nazzjon wera biċ-ċar li l-pandemija tal-Covid-19 u l-effett tagħha fuq in-negozju u l-ħajja soċjali ħalliet impatt dirett fuq il-livell ta’ kuntentizza u emozzjonijiet oħra.

Fil-fatt ir-rapport jikkonkludi li aktar minn sena wara li feġġet il-pandemija huwa inevitabbli li ħafna jesperjenzaw emozzjonijiet differenti inkluż dawk ta’ disprament minħabba l-inċertezza li l-Covid-19 ġab miegħu.

Is-sondaġġ żvela żieda fis-sentimenti dipressivi u ta’ biża’ fost l-etajiet kollha. L-akbar tħassib għal Maltin jibqa’ dak għas-saħħa fiżika u mentali tal-għeżież tagħhom, aktar milli tagħhom infushom u anke l-impatt tal-pandemija fuq in-nazzjon.

Aqra wkoll: Kemm se ndumu nisimgħu fuq il-Covid! ‘Il-bilanċ, l-appoġġ u s-solidarjetà essenzjali biex negħlbu l-ansjetà u l-inċertezza’

L-iżolament soċjali wkoll kien persistenti ħafna, b’39.6% ta’ dawk intervistati jwieġbu li ħassewhom soċjalment iżolati minħabba l-pandemija. In-nisa ħassew dan aktar mill-irġiel.

Dik li tissejjaħ Covid fatigue wkoll hija sinifikanti u dan jidher fiċ-ċar għax, skont ir-rapport, inqas nies qed jippruvaw iħarsu lejn il-ħajja u s-sitwazzjoni f’dawl pożittiv.

Ir-rapport jisħaq dwar l-importanti li persuna titgħallem taqta’, taljena rasha u twarrab is-sentimenti negattivi dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Anke l-kuntentizza jidher li naqqset. L-għadd ta’ persuni li ħassewhom kuntenti u ferħana bejn ħamest u sebat ijiem fil-ġimgħa naqas minn 29.7% (mill-aħħar sondaġġ xahrejn ilu) għal 10.5%. Minkejja dan, is-sondaġġ sab li diversi kienu dawk li pprovaw isibu modi differenti biex jaljenaw rahom, fosthom billi jagħmlu eżerċizzu.

Is-sondaġġ sab ukoll żieda fis-sentimenti ta’ tama, partikolarment fost dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u r-rapport jisħaq li dan anke bis-saħħa tat-tilqim. 

Żdied ukoll il-livell ta’ inċertezza hekk kif aktar persuni qed iħossu li ma jafux meta l-affarijiet se jmorru lura għan-normal.

X’tista’ tagħmel jekk tħoss li għandek bżonn l-għajnuna?

Fi żmien il-pandemija, il-Fondazzjoni Richmond rat żieda sostanzjali fit-talbiet ta’ għajnuna.

Jekk tħoss li għandek bżonn l-għajnuna u appoġġ psikoloġiku, tista’ ċċempel lill-Fondazzjoni fuq 1770. Din il-linja hija miftuħa 24 siegħa kuljum.

More in Politika