'Il-PM ma jistax jaħrab mir-responsabbilità' - Il-PN wara sensiela ta' stejjer fuq il-Programm taċ-Ċittadinanza

Jisħaq li dan huwa settur li jekk imħaddem tajjeb u bil-għaqal jista’ jħalli benefiċċji għall-pajjiż

Ritratt: MediaToday
Ritratt: MediaToday

Wara sensiela ta’ stejjer ippubblikati llum dwar nuqqasijiet fil-Programm taċ-Ċittadinanza, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jaħrab mir-responsabbilità għax dan seħħ fi żmien meta hu kien konsulent f’Kastilja.

“Robert Abela huwa biss kontinwità li tgħatti l-abbużi li saru b'mod sistematiku, organizzat u mgħejjun mill-aġenziji stess li suppost kienu hemm sabiex jaraw li dan ma jseħħx. Dan l-abbuż seħħ bi ksur tal-liġi, minn wara dahar il-poplu u minn wara dahar l-Unjoni Ewropea,” saħaq fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista.

Dalgħodu, diversi ġurnali lokali u internazzjonali ppubblikat għadd ta’ artiklu rigward il-programm taċ-Ċittadinanza, fosthom dwar kif Prinċep Sawdi tkellem direttament mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bil-għan li ismu ma jkunx ippubblikat fuq il-gazzetta tal-Gvern u anke kif diversi persuni li kisbu ċ-ċittadinanza mhux vera investew fi proprjeta f’Malta jew inkella qatt ma għexu hawn.

“Il-Gvern ta’ Robert Abela ħoloq skema ta’ bejgħ tal-passport Malti li permezz tiegħu numru kbir ta’ persuni, li ma kienux jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, spiċċaw biex illum huma Maltin mingħajr m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ pajjiżna. Dan jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li f’din l-iskema, l-kundizzjonijiet bażiċi li timponi l-liġi stess, fosthom dik ta’ residenza u preżenza fil-pajjiż ma kienux qegħdin jiġu osservati,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Spjega kif minn dak żvelat, jidher biċ-ċar li numru ta’ barranin li qattgħu litteralment ftit sigħat fil-pajjiż spiċċaw ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. 

“Iktar minn hekk illum jirriżulta li Joseph Muscat intervjena personalment sabiex jibqgħu mistura ismijiet ta’ persuni meta dawn suppost kellhom jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-konsegwenza ta’ dan kollu hu li llum r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tħammġet u m’aħniex aktar meqjusa bħala pajjiż serju li jista’ jħaddem skemi ta’ ċittadinanza u residenza. Iktar minn hekk, illum pajjiżna għandu proċeduri kontrih mill-Unjoni Ewropea li jista’ jkollu aktar effetti negattivi fuq ir-reputazzjoni tiegħu. L-istejjer tal-lum jikkonfermaw li f’dawn l-abbużi hemm involuti nies qrib il-Gvern, politiċi u saħansitra l-istess eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat,” kompla l-Partit Nazzjonalista.

Aqra wkoll: L-MEP Giegold jappella lill-KE biex tagħmel pressjoni u twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti

Insista li s-surplus li tal-Gvern u li tant “ftaħar bih” sar biss bis-saħħa ta’ sistema korrotta u li permezz tagħha akkwista €700 miljun u li “spiċċaw fix-xejn minhabba fl-infieq bla rażan, fosthom kuntratti għall-ħbieb tal-qalba u sħabhom, li jaqbeż bis-sew in-nefqa marbuta mal-miżuri tal-COVID-19, u li l-Prim Ministru jipprova juża bħala skuża.”

Il-Partit Nazzjonalosta qal ukoll li dan hu ta’ dettriment għall-operaturi f’dan il-qasam li mxew kif suppost u skont il-liġi.

“Dan is-settur huwa wieħed li jekk imħaddem tajjeb u bil-għaqal jista’ jħalli benefiċċji għall-pajjiż, iżda bħal f’diversi oqsma oħra mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb. Għalhekk ninsistu li Robert Abela għandu b’mod immedjat jara li jittieħdu l-passi kollha kontra min b’mod sfaċċat inganna fl-implimentazzjoni ta’ din l-iskema u għal darb’oħra tappan isem pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess illi jirrestawra isem pajjiżna anke’ f’dal-qasam. Anke hawn pajjiżna għandu bżonn jibda paġna ġdida,” temmet tgħid l-istqarrija.

'L-iskema tal-passaporti Maltija hi mibnija fuq frodi' - Repubblika

L-organizzazzjoni Repubblika, b'reazzjoni għall-istess stejjer, saħqet li l-iskema tal-passaporti Maltija hi mibnija fuq frodi, fosthom il-gidba li l-applikanti jkun ilhom jgħixu sena Malta qabel japplikaw.

"L-agħar hu li l-gvern mhux biss jagħlaq għajnejh iżda jipparteċipa bi ħġaru f’din il-gidba," qalet l-organizzazzjoni.

Insistiet li l-iskema tal-passaporti Maltija tiddependi fuq diskrezzjoni inaċettabbli tal-Ministri mingħajr ebda skrutinju.

"Ir-regolatur jagħlaq għajnejh għal kull oxxenità. Issa sirna nafu li l-gvern eżerċita diskrezzjoni anke lil hinn mil-liġi billi ħeba l-isem ta’ akkwistatur ta’ passaport li suppost deher fil-Gazzetta tal-Gvern," kompliet tisħaq.

Qalet wkoll li issa hu ċar li parti sew minn dawk li jiksbu passaport Malti ġejjin minn pajjiżi li l-liġijiet tagħhom ma jħalluhomx. Saħqet Dan ipoġġi lil Malta f’kunflitt diplomatiku dirett għax jitradixxi l-fiduċja ta’ pajjiżi oħra.

"Fil-ġranet li ġejjin Repubblika se tippubblika dokument dettaljat dwar politika dwar iċ-ċittadinanza. Il-proposti tagħna jindirizzaw l-inġustizzji tal-liġijiet u l-politika dwar iċ-ċittadinanza tal-gvern. Minflok tgħaqqadna bħala aħwa Maltin, iċ-ċittadinanza tinbigħ lis-sinjuruni li ma jimpurtahom xejn minn pajjiżna. Fil-proposti tagħna ser nitolbu wkoll li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti tiġi abolita darba għal dejjem," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika