Il-Kurja tiġbor €30,000 u 45 vann mimlija ħwejjeġ biex jitqassmu mill-kappillani lill-familji fil-bżonn

Id-donazzjonijiet se jintużaw biex jinxtara ikel li jitqassam mill-kappillani lill-familji fil-bżonn fil-parroċċi tagħhom

Matul ir-Randan, permezz tal-kampanja ‘Itma’ u Libbes,’ inġabru €30,000 f’donazzjonijiet u madwar 45 vann mimlija ħwejjeġ li se jkunu qed jitqassmu minn diversi parroċċi lil dawk il-familji u persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.

Il-kampanja ġiet organizzata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tat-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi ta’ Caritas Malta, flimkien ma’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart.

Fi stqarrija, il-Kurja spjegat li d-donazzjonijiet se jintużaw biex jinxtara ikel li jitqassam mill-kappillani lill-familji fil-bżonn fil-parroċċi tagħhom.

Il-ħwejjeġ se jgħaddu minn proċess ta’ għażla, ħasil, mogħdija u ppakkjar, sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikunu jistgħu jinbiegħu lill-pubbliku bi prezz raġonevoli.

 Id-dħul minn dawn il-ħwejjeġ se jgħin lill-persuni fil-bżonn u jtaffi mit-tbatija tal-persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. 

L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-ġenerożità kbira tiegħu. Fakkar fil-kelma ta’ Ġesù, “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni,” u esprima t-tama li l-Mulej jgħinna biex nibqgħu nħaddmu l-imħabba tiegħu fid-dinja. 

Albert Debono, responsabbli mid-djakonija fil-parroċċi fi ħdan il-Caritas, qal li l-pubbliku laqa’ bi ħġaru s-sejħa tal-Knisja biex jgħin lill-familji fil-bżonn, mhux biss bid-donazzjonijiet u l-ħwejjeġ, imma wkoll billi offrew ftit ħin liberu biex seta’ jsir il-proċess ta’ għażla tal-ħwejjeġ. 

Huwa stieden lill-persuni li jixtiequ jgħinu biex jagħmlu dan billi jimlew il-formola ‘Ftit Ħin Qalb Kbira’ fuq il-websajt djakonija.org. 

Għadd ta’ parroċċi taw il-kontribut tagħhom f’din il-kampanja, fosthom il-parroċċa ta’ Birżebbuġa, Ħal Qormi (San Ġorġ), Ħaż-Żebbuġ, il-Kalkara, il-Mosta, il-Qawra, il-Qrendi, is-Siġġiewi, is-Swatar, ix-Xagħjra, l-Iklin, San Ġiljan, u Wied il-Għajn. 

More in Politika