'L-akbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna' - Il-PM Abela jinawgura l-proġett tal-Marsa

Jiġi inawgurat il-proġett tal-Marsa b'investiment ta' €70 miljun, kofinanzjat minn fondi tal-UE

Parti mill-proġett il-ġdid fil-Marsa
Parti mill-proġett il-ġdid fil-Marsa

"Dan l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt ra l-pajjiż u qed jitqies bħala gateway għan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż."  Hekk qal il-Gvern propju hekk kif illejla tlesta u saret l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa, b'investiment totali ta’ €70 miljun u kofinanzjat minn fondi Ewropej.

B’kollox inbnew seba'  junctions u tneħħew it-traffic lights li kienu qed jikkawżaw stennija kbira fit-traffiku.

Il-proġett jikkonsisti fi 12-il km ta’ toroq mingħajr ebda interruzzjonijiet.

Taħt it-triq, Infrastructure Malta għamlet aktar minn 15-il km ta’ servizzi ta’ elettriku, ilma, dranaġġ, internet u telekomunikazzjoni filwaqt li sar ukoll reservoir li qiegħed jintuża biex jissaqqew is-siġar u l-arbuxxelli li ġew imħawla f’dan il-proġett.  Inbnew ukoll żewġ pontijiet u sar spazju ta’ parkeġġ għal 380 vettura, twaħħlu 250 bozza, inbnew 16-il kolonna tal-konkos u ġew installati erba' strutturi artistiċi.

Infrastructure Malta hawnhekk ħawlet ukoll aktar minn 18,000 siġra jew arbuxell.

Minn din ir-rotta jgħaddu 100,000 vettura ta’ kuljum u saru wkoll 3.5km ta’ cycle lanes u passaġġi għall-mixi.  Fl-aktar sigħat li tintuża jgħaddu minn dan il-proġett aktar minn 8,000 vettura.

'Minflok għafasna l-break minħabba l-pandemija, għafasna l-gass u nvestejna fil-poplu u l-pajjiż' - PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li spiċċa ż-żmien li proġett qatt ma jżomm mal-miri ta' żmien u dawk finanzjarji, "għalhekk dan il-proġett juri l-għaqal u kif ninvestu l-flus li nġibu mill-UE.  Il-miljuni mill-UE kapaċi nużawhom sew," qal Abela.  Huwa sostna li Malta tibqa' waħda mill-aktar pajjiżi li tassorbi finanzi mill-UE u jisħaq li dan mhux dejjem kien il-każ. 

Il-Prim Ministru jindirizza l-Konferenza fil-Marsa
Il-Prim Ministru jindirizza l-Konferenza fil-Marsa

"Ma waqafniex ninvestu f'pajjiżna minkejja l-pandemija.  Minflok għafasna l-break, għafasna l-gass u għidna dak li għandu jsir, isir.  Żmien l-awsterità spiċċa," qal il-Prim Ministru li tenna illi l-Gvern ħa deċiżjoni ċara li jkompli jinvesti bil-qawwi "fil-poplu u fil-pajjiż."  Hu qal li dan ifisser li meta jgħaddi kollox id-dinja ser issib lil pajjiż li lest biex jikkompeti. 

"L-infrastruttura hija l-bażi ta' ekonomija li trid tkompli toħloq il-ġid, hija element ewlieni biex nirbħu l-kompetizzjoni - u se nirbħuha ... fl-infrastruttura għandna l-akbar pjan li qatt kellu dan il-pajjiż ... Garanzija waħda nagħti:  Se nkompli nkunu ambizzjużi, bil-għaqal u perseveranti," temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela. 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta - li mexxiet il-proġett - Frederick Azzopardi qal illi dan il-proġett juri l-viżjoni fit-tul tal-entità b'użu ta' asfalt u infrastruttura ġdida, korsiji diretti u allura aktar sigurtà filwaqt li għall-ewwel darba minn Raħal Ġdid sal-Marsa u Ħal Qormi tista' timxi b'mod sigur.  "Se nnaqqsu 80% tal-ħin tal-ivjaġġar għal madwar 100,000 resident f'din iż-żona, filwaqt li se jonqos it-tniġġis fl-arja," qal Azzopardi li fakkar illi ż-żona qabel il-proġett kienet waħda mitluqa. 

Fakkar ukoll il-proġett ta' madwar €50 miljun biex il-curises jaħdmu bl-elettriku minflok Heavy Fuel Oil u l-proġett tal-mini f'Santa Luċija, li fost oħrajn qed twettaq l-entità pubblika. 

Waqt il-ftuħ tkellmu wkoll il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg kif ukoll is-Segretarju Parlamentari tal-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. 

 

More in Politika