Il-kobba mħabbla ta’ 17 Black u Macbridge: X’jorbothom? Għaliex twaqqfu? L-ILLUM tispjega

Il-gazzetta ILLUM tanalizza ż-żewġ kumpaniji u dak li jorbothom, tispjega għaliex twaqqfu u dak li ġie żvelat dwarhom...

Fl-aħħar snin, xhur u ġimgħat smajna ħafna dwar il-kumpaniji 17 Black u Macbridge iżda tant kemm intqalu affarijiet u tant kemm issemmew kumpaniji u eluf, li x’aktarx tintilef fid-dettall. 

F’dan l-artiklu l-gazzetta ILLUM se tipprova tispjega fi kliem sempliċi x’inhuma dawn iż-żewġ kumpaniji. Kif inhuma relatati? X’hemm differenti bejniethom? Daħlu flus fihom? Għaliex twaqqfu? Fiex jidħlu Keith Schembri u Konrad Mizzi? 

Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li l-gazzetta ILLUM se tipprova tispjega:

17 Black l-għoqda li ħonqot Gvern...

Min hu s-sid tagħha? 17 Black, bħal Macbridge, hija kumpanija f’Dubaj. Is-sid tagħha huwa Yorgen Fenech. Fenech kien il-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group u sid ta’ Casino u dan jispjega l-isem l-17 Black, numru fil-logħba tar-roulette. Fenech huwa wkoll imdaħħal fil-Power Station tal-gass f’Delimara, il-wiegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2013. Fil-fatt, Electro Gas Malta li bniet u llum tmexxi l-Power Station, hija magħmula minn GEM Holdings (33.34%), li minnha Tumas Group għandha 36.16% tal-ishma, Socar Trading (33.33%) u Siemens Project Ventures (33.33%). Kien ġie rrapportat ukoll li l-investituri fil-powerstation tal-Electrogas Mark Gasan u Paul Apap Bologna (minn GEM Holdings) ffirmaw ftehim ma’ Yorgen Fenech biex iħallsuh €2.5 miljun talli organizza lill-kuntratturi, kif ukoll talli kienu hu li żamm kuntatt mal-awtoritajiet. Illum Yorgen Fenech huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Yorgen Fenech - Sid ta' 17 Black
Yorgen Fenech - Sid ta' 17 Black

Kif sirna nafu li Fenech kif is-sid ta’ 17 Black? Sirna nafu permezz ta’ storja investigattiva mid-Daphne Project. Faqqgħet ftit wara li The Sunday Times kienet irrappurtat kif ‘negozjant kbir’ kien wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, kienet Daphne Caruana Galizia li nhar it-22 ta’ Frar 2017, xaharejn qabel issejħet elezzjoni ġenerali bikrija, semmiet għall-ewwel darba lil din il-kumpanija. Interessanti li isem 17 Black inbidel għal Wings Development f’Marzu tal-2017, jiġifieri xahar wara.

Imma din il-kumpanija għaliex twaqqfet? Dettalji ftit hemm imma huma biżżejjed. Fid-9 ta’ Novembru 2018 kien żvelat li 17 Black, flimkien ma’ Macbridge, kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama: Hearnville tal-eks Ministru Konrad Mizzi u Tillgate tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan ifisser li minn din il-kumpanija kellhom jgħaddu flus għal dawn iż-żewġ kumpaniji. F’email, Karl Cini minn Nexia BT kien qal illi fil-kumpaniji fil-Panama, kellhom jidħlu $2 miljuni f'temp ta' sena biss, minn attivitajiet ta' skart, sajd u turiżmu fil-Bangladexx, l-Indja u pajjiżi fl-Afrika - fost oħrajn. 

Imma 17 Black għaddiet flus lil dawn il-kumpaniji? It-tweġiba għal din il-mistoqsija ma nafuhiex. Nafu biss x’daħal f’17 Black. B’kollox, f’din il-kumpanija, daħlu tliet pagamenti: $1.4 miljun mingħand Rufat Baratzada, security f’sit ta’ kostruzzjoni mill-Ażerbajġan, permezz tal-kumpanija fis-Seychelles Mayor Trans, $200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara (anke jekk dan dejjem ċaħad) u €4.6 miljun fi flus mill-proġett tal-Wind Farm f'Montenegro. L-awtoritajiet finanzjarji fid-Dubaj kienu kkonfermaw li fil-kumpanija 17 Black kien hemm $1.6 miljuni. Ma’ Reuters, l-Aġent Kap tal-Unit tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIU) tal-Emirati Għarab Magħquda, Ali Faisal Ba’Alawi, qal li l-flus kienu rrilaxxati għax qatt ma kien hemm ordni ta’ ffriżar mill-ebda awtorità, lanqas minn Malta. Dan jikkuntrasta mal-kumpanija Macbridge għax l-uniku pagament li daħal fiha kien ġej minn 17 Black (ara paġna 11).

L-Ażerbajġan fiex daħlet? Ftit li xejn nafu dwar il-flus li daħlu f’17 Black mingħand dan iċ-ċittadin Ażeri iżda r-rabta mal-Ażerbajġan ma tistax ma tissemmix. Il-Gvern Malti għamel ftehim mas-Socar biex jixtri l-gass għall-Power Station il-ġdida. L-ewwel kontroversja kienet żjara fl-Ażerbajġan f'Diċembru 2014 li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna u li l-informazzjoni dwarha baqgħet skarsa.  Għaliha marru l-eks PM Joseph Muscat u miegħu Keith Schembri u Konrad Mizzi. Il-ftehim multi miljunarju mal-Ażerbajġan – huwa għal 10 snin, fejn il-Gvern Malti ntrabat li jixtri €131.6 miljun f'LNG kull sena għal total ta' madwar $1 biljun. Apparti minn hekk, Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li fil-Pilatus Bank, il-bank fil-qalba ta’ elf kontroversja u li spiċċa tilef il-liċenzja u għalaq, kien hemm kontijiet ta’ persuni prominenti fl-Ażerbajġan, fosthom it-tfal tad-ditattur Ilham Aliyev. Fl-istess bank kellu kont Keith Schembri u anke Chen Cheng li huwa wara l-kumpanija Macbridge (ara paġna 11). Yorgen Fenech qatt ma kellu kont fil-Pilatus, iżda kien preżenti għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hasheminejad (is-sid tiegħu), l-istess kif kienu Joseph Muscat u Keith Schembri. 

Keith Schembri kif inhu marbut ma’ 17 Black? Ma hemm l-ebda spekulazzjoni għax kien Keith Schembri stess li ammetta illi 17 Black (bħal Macbridge) kienet parti mill-pjan ta’ negozju tiegħu għalkemm kien qal li ma sarux tranżazzjonijiet magħha. Hu stess saħansitra kien ammetta, fil-Qorti, li kien jaf li 17 Black kienet ta’ Fenech. Iddeskriva wkoll il-ħbiberija tiegħu ma’ Fenech u qal illi kien “lest jidħol fin-nar għalih.” Hemm ħafna dettalji li juru kemm Fenech u Schembri kienu ħbieb. Biss biss, Keith Schembri wkoll ammetta li kien ċempel lil Yorgen Fenech, lejlet li ġie arrestat, biex jgħidlu ma jħallix Malta.

U Konrad Mizzi kif jidħol? Konrad Mizzi kien Ministru għall-Enerġija. Kien il-moħħ wara l-Power Station tal-gass. Yorgen Fenech huwa mdaħħal fil-Power Station u fil-kumpanija 17 Black, kif rajna, daħlu flus mingħand l-aġent tat-tanker. Konrad Mizzi kien involut ukoll fil-proġett tal-famuż Windfarm fil-Montenegro. 17 Black hija marbuta direttament ma’ dan il-proġett u anke l-persuna wara l-kumpanija Macbridge (ara għaliex f’paġna 11). Konrad Mizzi li tela' diversi drabi l-Montenegro qabel u wara dan il-ftehim ċaħad illi qatt kien hemm abbuż f'dan il-ftehim u appella lill-Enemalta biex tippubblika l-karti kollha. L-Awditur Ġenerali kien qajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-mawriet ta’ Mizzi fil-Montenegro u kif darba ma kienx uża l-kard ministerjali tiegħu iżda biss dik personali, bi tranżazzjoni waħda biss ta' ċenteżmu wieħed.  L-Awditur Ġenerali kien qal illi tranżazzjonijiet bħal dawn isiru biex jaraw illi l-kontijiet qed jaħdmu. Dawn l-allegazzjonijiet swew lil Mizzi postu bħala Deputat Laburista bl-Eżekuttiv tal-partit, kważi unanimament, ikeċċieh. 

U Konrad x’jgħid? Konrad Mizzi dejjem insista li ma hemm l-ebda rabta bejn il-kumpanija fil-Panama u l-kumpanija 17 Black jew Macbridge. Dejjem baqa’ jisħaq li Hearnville qatt ma kellha kont bankarju u li qatt ma rċeviet flus mingħand ħadd.

Keith Schembri - Eks Chief of Staff tal-PM
Keith Schembri - Eks Chief of Staff tal-PM

Imma Joseph Muscat possibbli qatt ma kien jaf xejn? Meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat qal li Keith Schembri kien qallu li 17 Black kienet relatata ma’ negozju komuni li kellhom bejniethom (ma’ Yorgen) u li ma kellha xejn x’taqsam mal-Electrogas.

Imma 17 Black kif tidħol eżatt f’dan il-proġett tal-Montenegro? Faċli. Allaħares ma kinitx 17 Black. L-Enemalta xtrat l-ishma ta’ dan il-Windfarm mingħand il-kumpanija Cifidex għal €10.3 miljuni. Cifidex kienet xtrat dawn l-istess ishma ġimgħatejn qabel biss, għal prezz ta’ €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol. Dan ifisser li Cifidex għamlet profitt ta’ €7.4 miljuni. €4.6 miljun minn dawn allegatament spiċċaw f’17 Black bħala profitt. Għaliex? Għax minn investigazzjoni li saret, jirriżulta li qabel Cifidex xtrat l-ishma, kienu għaddew għal għandha €3 miljun minn 17 Black. Jekk dan hu minnu, ifisser li l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech. 

Macbridge tkompli tħabbel il-kobba...

Min hu s-sid tagħha? Bħal 17 Black, Macbridge hija kumpanija f’Dubaj. Fl-aħħar jiem ġie żvelat li wara din il-kumpanija hemm Chen Cheng, negozjatur Ċiniż, anke jekk hu mhuwiex imniżżel bħala s-sid tagħha, iżda minflok hemm imniżżla l-kunjata tiegħu Tang Zhaomin. Chen Cheng kien involut f’diversi proġetti tal-Enemalta li jammontaw għal miljuni ta’ ewro. Dan Cheng issemma għall-ewwel darba f’Malta f’Mejju tal-2016 minn Daphne Caruana Galizia, bħala sid ta’ kumpanija fil-British Virgin Islands, jisimha Torbridge. Dan kien wassal għal investigazzjoni mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). Kien instab li l-istess Cheng kellu kont fil-Pilatus Bank (ara paġna 10). Dan il-kont infetaħ min Nexia BT, l-istess nies li fetħu l-kumpaniji fil-Panama ta’ Mizzi u Schembri u li kienu ddeskrivew lil 17 Black u lil Macbridge bħala ‘target clients’ tagħhom. Nexia BT kienu qalu lil Pilatus li dan il-kont ta’ Chen Cheng kellu jirċievi €1 miljun sal-aħħar tal-2015, għalkemm ma jidhirx li kienu saru tranżazzjonijiet. Cheng, f’isem il-kumpanija Accenture, kien ukoll innegozja l-bejgħ ta’ parti mill-Enemalta (33%) lil Shangai Electric Power għall-prezz ta’ €320 miljun. Mhux hekk biss, Chen Cheng kellu rwol importanti wkoll fil-proġett tal-Windfarm tal-Montenegro (ara d-dettalji f’paġna 10). Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat ukoll kif l-istess Chen Cheng influwenza direttament il-Programm ta’ Skema tal-Visa u Residenza (MRVP), fix-xhur ta’ qabel ma saret sejħa miftuħa għall-konċessjonijiet, li ħadet il-kumpanija tiegħu Shangai OC. Fil-fatt, huwa kien f’kuntatt kontinwu mall-istaff tal-Ministeru għall-Enerġija, dak iż-żmien immexxi minn Konrad Mizzi.

Chen Cheng - li jinsab wara Macbridge
Chen Cheng - li jinsab wara Macbridge

Chen Cheng għaliex jissemma wkoll fl-injesta Egrant? Ma hemm xejn li jorbot direttament lil 17 Black, lil Macbridge u t-tielet kumpanija misterjuża fil-Panama, Egrant li sal-lum ħadd għadu ma jaf min hu s-sid tagħha jew għal min kienet intenzjonata. Madanakollu, fir-rapport tal-inkjesta Egrant, jissemma dan l-istess Chen Cheng. Il-Maġistrat Aaron Bugeja jsemmi laqgħa li saret f’Ġunju tal-2014 biex ikunu diskussi mudelli ta’ negozji, l-enerġija, it-turiżmu u setturi oħra. Min taħseb li kellu jkun preżenti għal din il-laqgħa? Is-soltu storja! Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna ta’ Nexia BT. Ir-rapport Egrant isemmi Private Public Partnership għal MACHIN (Malta China) Project, li kellha tkun entità għall-promozzjoni ta' investiment bejn iċ-Ċina u Malta. Din l-entità kellha tkun irreġistrata Malta u 100% kkontrollata minn kumpanija fil-British Virgin Islands. "Din l-entità kellha tkun awtorizzata mill-Gvern Malti bħala l-uniku aġenzija rappreżentattiva Maltija għall-promozzjoni tal-investiment fiċ-Ċina," jgħid ir-rapport. Egrant.  Jissemma wkoll li l-mekkaniżmu koperattiv kellha titwaqqaf bl-għajnuna ta' ċertu persuna jisimha Sai. Din tista' tkun Sai Mizzi Lang, il-mara ta' Konrad Mizzi.

Imma din il-kumpanija għaliex twaqqfet? Kif spjegat aktar qabel, Macbridge, flimkien ma’ 17 Black kienet deskritta bħala target client tal-kumpaniji fil-Panama Hearnville tal-eks Ministru Konrad Mizzi u Tillgate tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Bħal fil-każ ta’ 17 Black, ma hemm l-ebda indikazzjoni li laħqu għaddew flus minn Macbridge għal dawn il-kumpaniji. 

F’Macbridge daħlu flus? U x’rabta hemm mal-Montenegro? 17 Black u Macbridge mhux sempliċiment huma marbuta għax it-tnejn huma mniżżla bħala target clients tal-kumpaniji fil-Panama ta’ Mizzi u Schembri, iżda jorbothom intrinsikament ukoll il-proġett jintenn tal-Windfarm fil-Montenegro li minnu Yorgen Fenech għamel profitt. Chen Cheng mhux biss kien kruċjali f’dan il-proġett, imma jidher ukoll li daħħal kemxa minnu. Fil-fatt, investigazzjoni li saret minn The Times of Malta u Reuters kienet żvelat kumpanija oħra li twaqqfet b’mod parallel ma’ Macbridge, jisimha Dow’s Media. F’din il-kumpanija daħlu €1 miljun minn 17 Black, xahar wara l-investiment tal-Enemalta fil-Montenegro. Id-Direttur ta' Dow’s Media hija Wang Rui, sieħba fin-negozju mal-kunjata ta' Chen Cheng, li hija mniżżla bħala s-sid tal-kumpanija Macbridge. Wang qalet li kien Cheng stess li talabha tidher għall-kumpanija f'ismu. Din il-kumpanija twaqqfet f'Ottubru 2014, ġimgħat biss wara Macbridge. Iż-żewġ kumpaniji ġew xolti fl-istess ġimgħa f'Jannar tal-2019, xahrejn biss wara li sar magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Yorgen Fenech x’qal fuq Macbridge? Kien f’Lulju tas-sena li għaddiet meta l-gazzetta MaltaToday żvelat kif meta ġie arrestat, f’Novembru tal-2019, Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija li l-kumpanija Macbridge kienet twaqqfet biex minnha jgħaddu flus li għandhom x’jaqsmu ma’ proġetti ffinanzjati mill-Gvern. Fil-fatt, Fenech kien qal lill-Pulizija li hu lest jikxef dettalji dwar din il-kumpanija. Qal li kien jaf ta’ min hi u għalxiex twaqqfet.Skont Fenech, Macbridge tfisser Malta Chine Bridge u fid-dar tiegħu kienu nstabu diversi business cards, uħud minnhom ta’ Chen Cheng.

Konrad Mizzi - Eks Ministru
Konrad Mizzi - Eks Ministru

U Konrad Mizzi kif jidħol? Konrad Mizzi kien Ministru għall-Enerġija. Kien responsabbli għall-Enemalta u  l-proġett tal-famuż Windfarm fil-Montenegro li Chen Cheng bill subajgħ fihom. Kien ukoll Ministru meta Chen Cheng influwenza direttament il-Programm ta’ Skema tal-Visa u Residenza (MRVP). Konrad Mizzi qed jibqa’ jisħaq li ma għandu l-ebda informazzjoni dwar din il-kumpanija jew li b’xi mod jew ieħor kellu xi negozju magħha jew xi interess personali fi proġett pubbliku. Qal li jaf biss lil Chen Cheng bħala konsulent li kien qed jassisti lil Shanghai Electric Power.

U Keith Schembri? Keith Schembri kien qed jinżamm arrestat il-ħabs fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni meta ħarġu l-aħħar dettalji fuq Macbridge. Sa issa, min-naħa tiegħu, kien hemm skiet perfett anke jekk l-Avukat tiegħu kien intalab għal kumment. Madanakollu, meta kien żvelat li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, kien irrikonoxxa li Macbridge ukoll kienet inkluża fi pjan tiegħu għal negozju. Kien saħaq li l-kumpaniji tiegħu jagħmlu għexieren ta’ pjani simili iżda insista li jibqa’ l-fatt li la 17 Black u lanqas Macbridge qatt ma saru klijenti tan-negozju tiegħu u ma kien hemm l-ebda tranżazzjonijiet li saru bejnhom.

More in Politika