Il-President ma jilqax it-talba ta' Cassola biex Muscat jitteħidlu lura Ġieħ ir-Repubblika

Ifakkar li dan jista' biss isir mill-Parlament - Arnold Cassola jistaqsi jekk hemmx Deputat li lest iressaq mozzjoni

Il-Kandidat indipendenti Arnold Cassola qal illi l-Uffiċċju tal-President għadu kif infurmah li hu m'għandux il-poteri li jneħħi unuri mogħtija u li huwa l-Parlament biss li jista' jagħmel dan skont l-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika. 

Cassola kien sejjaħ biex l-eks PM Joseph Muscat jitneħħielu Ġieħ ir-Repubblika. 

Cassola qal illi huwa fatt - skont hu - ippruvat li l-eks PM Muscat żamm kuntatt u ssoċjalizza mal-allegat assassin Yorgen Fenech u żamm kuntatt regolari fuq il-Whatssapp filwaqt li aċċetta rigali mingħandhom. 

"Huwa fatt li żamm relazzjoni ma' Fenech minkejja li kien infurmat minn Keith Schembri illi l-istess Yorgen Fenech kien is-sid ta' 17 Black.  Huwa fatt li Muscat iddeċieda waħdu li jagħti maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma," sostna Cassola.   

Għalhekk il-kandidat indipendenti reġa' saħaq li Muscat għandu jitneżża' minn dan l-unur u jistaqsi jekk hux se jkun hemm Deputat li jressaq mozzjoni biex dan il-ġieħ jitneħħielu. 

 

More in Politika