L-eks Kummissarju ma jiftakarx għaliex ċempel lil Ġojja lejlet ix-xhieda tagħhom fil-Qorti

Lawrence Cutajar ċempel lil Ġojja lejlet li dawn xehdu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech

L-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar kien f’kuntatt ma’ Edwin Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, lejlet li xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-gazzetta MaltaToday irrapportat kif Cutajar ċempel lill-Ġojja, ħabib ta’ Melvin Theuma, fl-14 ta’ Ġunju 2020 fit-7:55pm u damu jitkellmu madwar kwarta.

L-għada, Cutajar xehed fil-kumpilazzjoni u wara l-Maġistrat ordnat li dan ikun investigat formalment fuq allegazzjonijiet li hu informa lil Melvin Teuma bl-investigazzjonijiet li kienu għaddejja.

Dakinhar stess, il-Qorti semgħet l-evidenza ta’ Brincat, ħabib kemm ta’ Cutajar u anke ta’ Theuma.

Aqra wkoll: Il-Pulizija titlob informazzjoni mill-mowbajl tal-eks Kummissarju Cutajar

Mistoqsi mill-gazzetta, Cutajar qal li kien jaf li t-telephone ta’ Brincat seta’ kien taħt investigazzjoni. Qal li ma jiftakarx għaliex ċempillu.

Qal biss li l-fatt li ċempillu meta kien jaf li l-mowbajl tiegħu kien qed ikun investigat, juri li hu ma għandu xejn x’jaħbi.

Mistoqsi jekk tkellmux dwar ix-xhieda tagħhom, Cutajar insista li ma jiftakarx. “Jekk kellimtu, għidtlu biex jgħid biss il-verità, l-istess kif għamilt jien,” insista.

Kien żvelat li Cutajar kellu żewġ laqgħat mal-Ġojja fi żmien l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-ewwel laqgħa saret meta t-tim tal-investigaturi kienu qablu fuq pjan biex jarrestaw lil Melvin Theuma fuq akkużi ta' ħasil ta' flus.

Iżda t-tim ma kienx jaf b’din il-laqgħa u dan qajjem ħafna mistoqsijiet, speċjalment dwar il-fatt li l-Kummissarju kien qed jiltaqa’ ma’ persuni viċin wieħed mill-irġiel involuti fl-assassinju.

Cutajar iltaqa’ ma’ Brincat it-tieni darba, meta kienet stabbilita d-data għall-arrest ta’ Theuma. Cutajar dejjem insista li għamel dan bil-għan li jgħin fl-investigazzjoni.

Il-Pulizija għandhom f’idhom recordings ta’ konverżazzjonijiet bejn il-Ġojja u Theuma li fihom Brincat jinstema’ jagħti struzzjonijiet lil Theuma fuq dak li kellu jagħmel, fosthom kif kellu jirrekordja lil Yorgen Fenech.

Apparti minn hekk, Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech kien xehed ukoll kif Melvin Theuma kien jaf, bis-saħħa ta’ Cutajar, li kien qed ikun investigat fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-fatt, kienu dawn l-investigazzjonijiet li waslu biex Theuma jikxef ir-recordings li kellu ta’ Yorgen Fenech u li eventwalment waslu għall-arrest tal-istess Fenech u biex Theuma jitlob il-maħfra presidenzjali.

Cremona kien xehed li Cutajar qal lil Theuma li l-Europol kienu jafu bir-recordings li kellu ta' Yorgen Fenech.

Mill-banda l-oħra, il-Ġojja baqa’ jisħaq li Cutajar u Theuma ma kinux jafu lil xulxin. 

Madanakollu, minn recording ta’ konverżazzjoni bil-mowbajl bejn Theuma u Cremona, Melvin Theuma jinstema’ jgħid li lest jgħaddi €15,000 lil Cutajar bil-għan li dan jgħinu jieħu l-maħdra presidenzjali.

Mill-banda l-oħra, Cutajar dejjem saħaq li kien Edwin Brincat li mar għandu u li hu kien ħa l-opportunità biex jieħu xi ħaġa mingħandu.

Ikkonferma li kien staqsa lil Brincat jekk kienx jaf b’dawn ir-recordings. Ċaħad li qatt ħa xi flus.

More in Politika