Tal-ħwejjeġ, tar-ristoranti, tan-nightclubs, l-isportiv u l-qassis ... x’jaħsbu dwar ir-rilaxx tal-miżuri? L-ILLUM tistaqsi

Hekk kif mil-lum jibdew jonqsu l-miżuri u r-restrizzjonijiet imposti fl-aħħar ġimgħat minħabba ż-żieda sostanzjali fil-każi ta’ Covid-19, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ persuni minn oqsma u setturi differenti. X’jaħsbu dwarhom? Kuntenti? Stennew xi ħaġa aktar ċara?

Mil-lum reġgħu bdew jiftħu l-iskejjel u l-pjan huwa li fis-26 ta’ April jerġgħu jiftħu l-ħwienet li mhumiex essenzjali, sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll. Sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni meta se jiftħu r-ristoranti, il-bars u stabbilimenti oħra.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ persuni u operaturi minn oqsma u setturi differenti u talbithom reazzjoni dwar il-pjan li ħabbar il-Gvern għar-rilaxx tal-miżuri. Kuntenti? X’kienu qed jistennew aktar? Tħallew fl-għama?

‘Aħjar ħmistax oħra milli niftħu f’salt u nerġgħu nispiċċaw b’żieda fil-każi’ – Julian Micallef, sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ

Il-ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn jafu li se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom nhar is-26 ta’ April. L-ILLUM tkellmet ma’ Julian Micallef, sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ, li spjega kif għalkemm it-12 ta’ April kienet il-ġurnata tentattiva, kien hemm rassenjazzjoni fost is-sidien li l-ġurnata tal-ftuħ mill-ġdid kienet se tkun wara.

“Aħjar hekk. Inutli niftħu f’salt, jerġa’ jkun hawn żieda fil-każi u nerġgħu nispiċċaw fejn konnha. Vera li kontrina qed ngħid, imma dan jagħmel aktar sens forsi l-każi jibqgħu nieżla. Apparti minn hekk se nkunu nistgħu naraw aħjar l-effett tal-iskejjel,” insista Micallef.

Madanakollu appella biex il-miżuri jkunu japplikaw għal kulħadd għax minkejja r-restrizzjonijiet, hemm ħwienet li kważi qed joperaw b’mod normali, inkluż ħwienet li jbiegħu affarijiet tad-dar u li forsi mhumiex essenzjali. 

“Dawn huma xorta kaġun tal-imxija u mhux aħna biss,” insista.

Appella wkoll għal aktar infurzar waqt li semma kif hemm supermarkets, li għandhom sezzjonijiet tal-ħwejjeġ u li dawn xorta waħda qed joperaw.

“Il-bqija nħarsu ‘l quddiem u nibqgħu pożittivi. Almenu għandna ġurnata tentattiva meta se niftħu. Naħseb li kienet xi ħaġa essenzjali,” temm jisħaq. 

‘Nieħdu ħsieb xulxin għax ma nistgħux nerġgħu nagħlu l-iskejjel ... batew l-għalliema, it-tfal u ħafna ġenituri’ -  Janet Ciantat, għalliema tal-primarja

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Janet Ciantar, għalliema tal-primarja li saħqet mal-gazzetta ILLUM li issa, li fl-aħħar kulħadd fehem li n-numri tal-każi tal-Covid-19 hemm bżonn jinżammu baxxi, kien mument opportun li jiġu rrilaxxati ċertu miżuri u jerġgħu jinfetħu l-iskejjel.

“Għat-tfal, l-aqwa tagħlim huwa fil-klassi,” saħqet l-għalliema waqt li appellat għal bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa u l-ekonomija.

Dwar iż-żmien meta l-iskejjel ikunu magħluqa, Ciantar saħqet li hemm tfal li jbatu u anke ġenituri li jkollhom ilaħħqu kemm mal-lezzjonijiet ta’ uliedhom u anke max-xogħol tagħhom.

“Hemm ġenituri li ma jistgħux jaħdmu mid-dar u dawn batew aktar,” insistiet. “Għalhekk kulħadd għandu jibqa’ jaħdem biex in-numri jinżammu baxxi u l-iskejjel jinżammu miftuħa u jinżammu l-miżuri kollha biex l-iskejjel ikunu siguri.”

Insistiet li l-għalliema jixtiequ li jkunu mat-tfal fil-klassijiet. “Dan huwa l-aqwa tagħlim,” kompliet tisħaq l-għalliema. “Il-lezzjonijiet onlajn huma bżonn, imma fil-klassi tkun taf x’qed jitgħallmu t-tfal,” kompliet tisħaq.

Irringrazzjat lill-għalliema kollha li dejjem sabu mezz kif jilħqu lill-istudenti tagħhom. 

“Intenni li kulħadd hemm bżonn jiġbed ħabel wieħed. Ma naffordjawx li nerġgħu nagħlqu l-iskejjel. It-tfal ma jistgħux jispiċċaw ping-pong bejn l-iskola u d-dar,” kompliet l-għalliema.

Temmet tappella li jekk il-mira tal-pajjiż hija li f’Ġunju jinfetaħ għat-turiżmu, għax hekk hemm bżonn għall-ġid ta’ ħafna sidien u impjegati, kulħadd irid jaħdem id f’id. 

“Ejjew nieħdu ħsieb xulxin,” insistiet l-għalliema.

‘Nittama li ma ndumux sa Ġunju biex niftħu ... pożittiv għas-sajf’ – Alain James Grech, kok u sid ta’ ristorant

Ir-ristoranti lanqas ma ngħataw indikazzjoni jew data tentattiva meta x’aktarx li se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom mill-ġdid. L-ILLUM tkellmet ma’ Alain James Grech, kok u sid ta’ ristorant, li saħaq kif ma ħadha b’xejn bi kbira li għalissa se jibqgħu magħluqa.

Fakkar kif is-sena li għaddiet, ir-ristoranti kienu fost tal-aħħar li reġgħu fetħu. Madanakollu wera t-tama li sa nofs f’Mejju, bħas-sena l-oħra, jkunu reġgħu bdew jilqgħu l-klijenti.

“Nittama li ma ndumux sa Ġunju biex niftħu,” insista Grech, għax fi kliemu, dan jaf ikun tard wisq, anke għax ikun ifisser li r-ristoranti għamlu tliet xhur magħluqa, ħafna minnhom bi dħul kważi ta’ xejn. Tenna li Mejju jkun ideali.

Madanakollu saħaq li hu pożittiv li fis-sajf se jkollhom siegħa xogħol. Fi kliemu, bil-Maltin, ftit turisti u anke b’għajnuna, bħal vouchers, xi ftit jew wisq ta’ nifs se jieħdu.

“Nispera biss li meta niftħu, nibqgħu miftuħin u mhux tiġi x-xitwa u nerġgħu nagħlqu,” saħaq Grech waqt li wera t-tama li l-vaċċin se jkun qed jgħin ukoll.

Anke jekk ikun hawn min jisħaq li d-domestiku mhuwiex biżżejjed, Alain James Grech saħaq li meta r-ristoranti kienu miftuħa, bil-Maltin biss ukoll ċaqlaq ix-xogħol u laħħaq mal-ispejjeż kollha.

Mistoqsi jekk jaħsibx li almenu għandhom jingħataw data tentattiva, il-kok appella lill-awtoritajiet biex almenu javżaw dwar il-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti minn tal-inqas ħmistax qabel. 

Fi kliemu, ristorant li jaħdem esklussivament bil-prodott lokali u għalhekk ikollu jbiddel il-menu kontinwament, ikun irid iż-żmien biex jipprepara, forsi b’differenza minn ristoranti oħra li jżommu dejjem l-istess menu u għandhom il-prodotti kollha maħżuna fil-freezers.

Appella wkoll biex meta r-ristoranti jiftħu, dawn jimxu mal-istess protokolli li kellhom u jibqa’ għaddej l-infurzar biex ikun assigurat li kulħadd qed jimxi magħhom.

‘Huwa ċar li l-Gvern għandu l-isport isfel nett fil-prijoritajiet tiegħu’ – Christian Micallef, preżentatur ta’ programm sportiv

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Christian Micallef, preżentatur ta’ programm sportiv li minnufih saħaq li s-saħħa għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox, madanakollu insista li tul il-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela  “ħa deċiżjonijiet li komplew ħolqu aktar inċertezza u konfużjoni fl-imħuħ ta’ kulħadd.”

“Illum jgħid mod, għada jgħid bil-kontra. Jiftaħ l-iskejjel mill-ġdid, iżda l-Isport kollu f’pajjiżna ma jistax jiġi ppratikat. Ir-raġunament wara d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru huma kuntrastanti wisq biex jagħmlu sens. Jien li ġej mill-qasam sportiv, inweġġa’ nara l-mod ta’ kif dan il-Gvern qed jagħżel li jħares u jindirizza lill-isportivi tagħna, inkluż dawk professjonisti u li għalihom l-Isport hu l-għejxien ta’ kuljum,” insista Micallef.

Saħaq li din il-pandemija uriet biċ-ċar li l-Gvern għandu l-isport isfel nett fil-prijoritajiet tiegħu. 

Kompla jgħid li hu jitkellem mal-assoċjazzjonijiet sportivi u kollha jgħidulu li l-konsultazzjoni tal-Gvern mal-isportivi hi ftit li xejn u li lanqas is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur, mhu jitkellem magħhom. 

“B’dan il-mod il-Gvern qed jibgħat messaġġ wieħed u dirett lill-isportivi kollha f’Malta: Intom mhux importanti għalina. Il-kontribut u l-kapaċità tagħkom hi f’livell ta’ dilettant,” saħaq Micallef.

Temm jisħaq li ħadd m’għandu jiskanta jekk f’Malta ma teżistix  kultura sportiva għax, fi kliemu, il-Gvern mhux jgħin.

‘Għal darb’oħra bqajna bla indikazzjoni...’ – Matthew De Giorgio, sid ta’ stabbiliment tad-divertiment

Matthew De Giorgio, sid tal-istabbiliment Gianpula, magħruf għall-parties fix-xhur tas-sajf, saħaq mal-gazzetta ILLUM li għal darba’oħra, hu u operaturi bħalu tħallew bla ebda indikazzjoni dwar meta se jkun hemm ċans li jerġgħu jibdew joperaw. 

“Lanqas biss semma l-kelma nightclubs. Aħna ilna magħluqa minn Awwissu u għadna lanqas nafu meta se niftħu,” insista De Giorgio.

Kien hawn li fakkar li għal kuntrarju ta’ dak li qed jingħad, in-nightclubs mhumiex meqjusa bħala attività tal-massa, anke għax faċli tikkontrolla kemm jidħlu nies fi stabbiliment. “Attività tal-massa huwa xi festival bħall-isle of MTV.”

Appella biex meta l-awtoritajiet jitkellmu dwar attivitajiet tal-massa, iżommu f’moħħhom li n-nightclubs u anke l-bar huma differenti u ma jitfgħuhomx fl-istess keffa.

Fl-aħħar xhur il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ operaturi differenti li lmentaw kif minkejja li n-nightclubs ilhom żmien twil magħluqa, qatt ma ngħataw għajnuna diretta, l-istess kif ħadu r-ristoranti, każini u l-bars li ntalbu jagħlqu.

‘Nittamaw li ma nkunux aħna li nħallu l-bruda jew il-biża’ żejjed iderruna ngħaddu mingħajr il-quddiesa,’ – Dun Mark Andre Camilleri, Kappillan

Nhar il-Erbgħa tħabbar ukoll li mill-Ħadd 18 ta’ April, il-knejjes se jerġgħu jinfetħu wkoll għall-quddies. Dwar dan il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kappillan ta’ Raħal Ġdid, il-Kanonku Mark Andre Camilleri.

Fakkar kif bħal dan iż-żmien sena, il-Papa, malli ġew irrilaxxati l-miżuri fl-italja, waqqaf it-trażmissjoni tal-Quddiesa ta’ kuljum, għax fi kliemu ried jagħti sinjal ċar li l-Quddiesa hija xi ħaġa li trid tiġi ċċelebrata fil-komunità li tinġabar flimkien u mhijiex xi ħaġa li wieħed jassisti għaliha jew sempliċiment isegwu mill-bogħod.

Insista li f’dawn il-ġimgħat, kienu ħafna l-Insara, inkluż anke żgħażagħ u tfal, li ħassew bil-kbir in-nuqqas taċ-ċelebrazzjonijiet, b’mod speċjali tat-Tridu Mqaddes tal-Għid.

“Imma issa huwa l-mument li nħarsu ’l quddiem. Nittamaw li ma nkunux aħna li nħallu l-bruda jew il-biża’ żejjed iderruna ngħaddu mingħajr il-quddiesa,” insista l-Kappillan.

Saħaq li mhuwiex lussu li l-Insara jiltaqgħu flimkien għall-quddiesa, iżda xi ħaġa essenzjali.

Insista li f'ċirkustanzi iebsa, l-quddiesa fuq mezzi tax-xandir hija ta' sostenn għal ħafna li ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom.

“Filwaqt li nagħrfu kemm hu meħtieġ li nibżgħu għal xulxin - u dan inwettquh fil-prattika - nagħrfu wkoll li ma nistgħux ngħixu mingħajr l-Ewkaristija,” temm jgħid il-Kappillan.

More in Politika