L-Imħallef Scerri Herrera tagħżel li ma tismax hi l-każ ta' Vince Muscat dwar is-serqa tal-HSBC

Consuelo Scerri Herrera hija oħt il-Ministru José Herrera b'Muscat jisħaq li minħabba xogħlu huwa kien viċin l-eks Ministru u Ministru li l-istess Muscat qed jimplika f'din is-serqa li kienet falliet

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera mhux se tkun qed tmexxi l-ġuri kontra Vince Muscat, magħruf bħala ‘il-Koħħu,’ dwar il-każ tas-serqa tal-HSBC fl-2010.

Consuelo Scerri Herrera hija oħt il-Ministru José Herrera.

Kien Muscat li għamel din it-talba biex l-Imħallef ma tmexxix il-ġuri. Fl-istess talba Muscat għamilha ċara li Herrera mhuwiex wieħed miż-żewġ politiċi li qed isemmi u li fi kliemu kienu parti minn din is-serqa.

Madanakollu, saħaq li bħala Ministru, ħu l-Imħallef kien viċin dawn iż-żewġ politiċi.

L-Avukat ta’ Muscat, Marc Sant, insista li kien fl-interess tal-Imħallef li tastjeni milli tisma’ dan il-każ biex ikun assigurat li ma jintefa’ l-ebda dell fuq il-proċess ġudizzjarju.

Scerri Herrera fil-fatt saħqet li ħadet din id-deċiżjoni biex “il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher li qed issir,’ saħaq.

Il-każ issa għadda mill-ġdid quddiem il-Prim Imħallef biex jintagħżel Imħallef ieħor.

Muscat kien wieġeb ħati għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs. Huwa ngħata wkoll il-Maħfra Presidenzjali fil-każ tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fl-2015, bil-patt li jikxef informazzjoni fuq dan id-delitt, iżda mhux biss.

Vince Muscat qed jammetti li kien involut f’din is-serqa tal-HSBC u qed jimplika eks Ministru u Ministru preżenti f’dan il-każ. 

Muscat talab ukoll it-tieni maħfra presidenzjali biex jgħaddi informazzjoni fuq tliet reati oħra, żewġ serqiet u delitt ieħor li sal-lum għadu mhux solvut.

George u Alfred Degiorgio, li ma’ Muscat wettqu l-qtil ta’ Caruana Galizia u li kienu involuti fl-istess serqa tal-HSBC ukoll qed jitolbu maħfra presidenzjali u qed jisħqu li huwa jafu u jistgħu jgħidu minn hu l-eks Ministru u l-Ministru preżenti li kienu l-moħħ jew għenu f’din is-serqa li kienet falliet.  

More in Politika