Il-PM jisħaq li dalwaqt jitħabbar il-pjan għar-rilaxx tar-restrizzjonijiet; 'Mhux se jkun pjan aggressiv'

Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed iħares lejn strateġija oħra biex jgħin lin-negozju jirkupraw fix-xhur li ġejjin

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jiffinalizzaw il-pjan biex min-nhar it-Tnejn li ġej jibdew jonqsu r-restrizzjonijiet, anke jekk saħaq li dan mhux se jkun proċess aggressiv.

Waqt intervista fuq One Radio, il-Prim Ministru qal li dan il-pjan se jkun qed jagħti prijorità lil setturi differenti, partikolarment l-edukazzjoni. Dan ftit jiem biss wara li l-gazzetta ILLUM żvelat li l-iskejjel u l-ħwienet mhux essenzjali u ta' sbuħija se jkunu fost l-ewwel li jiftħu.

Qal li l-pjan se jkun wieħed flessibbli biex il-miżuri jkunu jistgħu jitnaqqsu jew jiżdiedu skont is-sitwazzjoni u l-imxija tal-pandemija.

Insista li l-pjan se jkun imħabbar dalwaqt.

"Mhux se jkun pjan ta’ ftuħ aggressiv," insista l-Prim Ministru. "Jiena pożittiv għax id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu huma bbażati fuq dak li qed tgħidilna x-xjenza."

Il-Prim Ministru appella biex kulħadd jibqa' attent u jsegwi l-miżuri kollha, sakemm ikompli għaddej il-programm tat-tilqim. Fakkar li r-rata tat-tilqim f'Malta hija l-ogħla waħda fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed iħares lejn strateġija oħra biex jgħin lin-negozju jirkupraw fix-xhur li ġejjin.

L-aħħar restrizzjonijiet daħlu fis-seħħ meta Malta esperjenzat żieda sostanzjali fl-għadd ta' każi minħabba l-importazzjoni tal-varjant tar-Renju Unit. Fost dawn għalqu l-iskejjel, il-ħwienet kollha mhux essenzjali u anke r-ristoranti, l-isnackbars u l-kafetteriji. 

Aktar miżuri li jillimitaw kemm jistgħu jiltaqgħu nies fid-djar jew inkella fuq barra, daħlu fis-seħħ ftit qabel il-weekend tal-Għid.

More in Politika