'Swab u ċertifikat tal-vaċċin qabel turist jaqbad ajruplan mhux malli jasal' - It-tobba jappellaw

Il-MAM tappella wkoll biex ir-restrizzjonijiet jitnaqqsu b’mod gradwali u t-tneħħija tkun akkumpanjati b’monitoraġġ

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija saħqet li ma jagħmilx sens li turisti li jkunu ġejjin Malta jitħallew jitilgħu ajruplan qabel ma jkunu ppreżentaw ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv tal-Covid-19.

Fi kliemha, dan iżid ir-riskju li l-virus ikun trasmess anke lil persuni oħra li jkunu abbord l-ajruplan jew inkella li jgħaddu mill-istess ajruport.

Fil-fatt saħqet li random testing malli t-turisti jaslu Malta mhuwiex biżżejjed.

Għalhekk qed tappella biex it-turisti jippreżentaw test negattiv u ċertifikat tal-vaċċin qabel ma jirkbu l-ajruplan biex jiġu Malta.

Staqsiet x’jiġri mill-programm tal-vaċċin jekk ikun importat varjant ġdid li t-tilqima ma tkunx biżżejjed effettiva kontrih.  

It-tobba appellaw ukoll biex ir-restrizzjonijiet jitnaqqsu b’mod gradwali u t-tneħħija tkun akkumpanjata b’monitoraġġ biex il-miżuri jkunu emendati kif ikun neċessarju, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika. Fi kliem it-tobba, jekk dan ma jseħħx, hemm ċans li l-każi jerġgħu jiżdiedu.

Appellaw ukoll kontra t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għal attivitajiet fejn id-distanza soċjali tkun diffiċli li tintlaħaq. Il-MAM saħqet li dawn l-attivitajiet għandhom isiru biss wara li tintlaħaq l-immunità tal-massa, jiġifieri meta 70% tal-popolazzjoni tkun ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin.

Qalet ukoll li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tippjana mill-ġdid attivitajiet tal-massa kbar, bħal parties. Saħqet li dawn huma l-aħħar affarijiet li għandhom jibdew isiru u jinfetħu mill-ġdid, wara li l-effett tal-vaċċin ikun eżaminat b’mod xjentifiku.

Saħqet li peress li l-varjant Ingliż huwa wieħed li jinfirex aktar malajr, attività waħda tista’ twassal biex il-pajjiż jerġa’ jesperjenza mijijiet ta’ każi kuljum.

“Dan għandu jkun evitat akkost ta’ kollox,” temmet tgħid il-MAM.

More in Politika