'Bħalissa hawn ħaddiema u sidien ta' negozju li qed ibatu ta' vera' - il-futur li qed jinkwieta lill-GWU u l-UĦM

X'inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema bħalissa?  Min iħaddem qed joħroġ is-sehem tiegħu tal-paga?  U l-futur immedjat kif qed jidher?  X'inhi l-akbar theddida?  Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella ... 

"Hawn sidien li qed ibatu ħafna bħalissa u hawn ħaddiema li qed ibatu ta' vera, finanzjarament u anke psikoloġikament."  Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja mal-gazzetta ILLUM li pinġa stampa ta' tbatijiet imma anke abbuż fil-qasam tax-xogħol fl-aħħar xhur ikkaraterizzati mill-Covid-19.  

Bugeja qal illi fl-aħħar xhur kellhom każi ta' ħaddiema li jitkeċċew b'sempliċi sms - xi ħaġa li kien fil-fatt diġà qal lil din il-gazzetta  - u fih jagħtuhom parir biex l-aħħar paga tmur għal biljett tal-ajru, biex jitilqu lura pajjiżhom "għax jgħidulhom li issa se jiġu rregolari." 

Bugeja qal li saħansitra kellhom każi fejn min iħaddem ma jgħaddix is-Suppliment tal-Paga lill-ħaddiema tiegħu u huwa għalhekk li l-Gvern qed jinforma lil min huwa eliġibbli, spjega, biex ikunu jafu li l-Gvern fil-fatt qed jgħaddi dawn il-flus lil min iħaddimhom.  

Huwa jgħid ukoll illi minkejja li l-ftehim oriġinali bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali dwar is-Suppliment tal-Paga kien jgħid illi l-Gvern joħroġ €800 u min iħaddem joħroġ sa massimu ta' €400, ħafna ħaddiema ma ħadux dan it-top up u qed jitħallsu biss il-flus tal-Gvern.  "Iva f'daqqa waħda ħadd ma seta' jagħtihom flus, wara snin ta' xogħol, fis-siegħa tal-prova?" staqsa Bugeja mal-ILLUM.  

'Jaf qed ngħinu kumpaniji li malli tieqaf l-għajnuna tal-Gvern ifallu' 

Ma' din ir-realtà qabel perfettament il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workes Josef Vella, li mal-ILLUM saħaq illi din hija waħda mill-kritika tal-UĦM meta kien sar dan il-ftehim.  

Vella jisħaq illi l-pakkett mifthiem kellu jobbliga lil min iħaddem biex joħroġ l-€400 għal kull impjegat, mhux tkun volontarja.  "U ma sar ebda tip ta' infurzar biex ikun aċċertat li l-€400 jitħallsu," saħaq Vella  

Il-gazzetta ILLUM tfakkru illi bosta negozji sostnew illi lanqas dawn huma ma setgħu joħorġu.  

Josef Vella
Josef Vella

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fakkar li lill-ħaddiema ma ngħatatlux għażla anke jekk baqa' jagħmel il-biċċa tiegħu, u kien flessibbli fejn intalab biex jagħmel dan. "Issa jekk qed tgħidli li lanqas l-€400 ma stajt toħroġ - meta qabel kont toħroġ pagi ta' €1,200 jew aktar lil kull impjegat, mela allura wieħed irid jirreġistra u jistudja dawn is-sitwazzjonijiet - inkella jaf qed ngħinu kumpaniji li malli tieqaf l-għajnuna tal-Gvern ma jkunux jistgħu joperaw."  

Vella jissottolinea dan il-punt partikolari.  

Huwa jgħid illi l-kwistjoni ta' meta se titwaqqaf is-Suppliment tal-Paga hija waħda li tinkwieta lill-unjin, kif qal ukoll Bugeja.  

"Il-Gvern jeħtieġ jikkometti lil dawk li qed jagħtihom il-pagi.  Mela tajtek il-pagi, tajtek il-moratorji ... m'għandix inkun naf x'inhu l-pjan ta' negozju li qed jingħata l-għajnuna?"  

Huwa qal li jekk ma jsirx hekk, il-problema tal-qgħad tkun bss ġiet posposta għal żmien ieħor.  "Jiena bħala Gvern irrid inkun naf jekk intix kapaċi timxi waħdek malli naqtgħalek l-għajnuna.  Jekk negozju huwa fallut u malli l-Gvern se jitlaq idejh se jagħlaq, aħjar jiffaċċja l-konsegwenzi issa u l-ħaddiema jkunu ma' xi ħadd li jista' jsostni l-impjieg tagħhom," qal Josef Vella.   

Minkejja li ma semmiex l-istess tip ta' soluzzjoni s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, jirrifletti l-istess ħsieb.  

"Il-biża' tagħna huwa x'se jiġri fil-futur.  Għalissa mexjin b'xi mod imma meta l-Gvern iwaqqaf is-Suppliment tal-Paga x'se jiġri?  Dan irrdu naraw," jisħaq Bugeja. Huwa fakkar li l-irkupru se jkun aktar bil-mod, "għalhekk aħna favur ħafna d-Digital Green Pass."  

Huwa temm jgħid li l-inċertezza ta' bħalissa hija "problema kbira."  

Mhux kullimkien l-istess: Fejn tilfu ħafna xogħol u fejn żiedu 

Bugeja qal lil din il-gazzetta illi s-sitwazzjonijiet fil-qasam tax-xogħol huwa kontrastanti, fejn f'postjiet ix-xogħol baqa' għaddej u f'każi oħrajn naqas ħafna - kif fil-fatt diġà kkonfermaw ukoll ma' din il-gazzetta Joseph Farrugia mill-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem u anke Abigail Mamo mill-Kamra tal-SMEs. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja sostna illi l-manifattura, il-qasam finanzjarju u negozji marbutin mal-bejgħ tal-elettroniċi - per eżempju - baqa' għaddej, għalkemm naturalment ikun hemm differenza minn kumpanija għall-oħra. 

Josef Bugeja
Josef Bugeja

L-aktar setturi li sejrin ħażin huma l-ospitalità, avjazzjoni u dawk li joffru servizzi anċillari - fosthom jgħid li kien hemm tnaqqis qawwi fil-bejgħ mill-pitkalija u tnaqqis kbir ukoll fil-bejgħ tal-ħalib kif ukoll il-bejgħ ta' luminati u birer.  Dan kollu minħabba tnaqqis kbir f'dak li jirrigwarda domanda, minħabba t-turiżmu  - li fisser aktar minn żewġ miljun persuna li ma ġewx pajjiżna u ma kkunsmawx.  

Anke s-settur tal-produzzjoni tal-make-up ħa daqqa qawwija, jispjega Bugeja li qal ukoll illi kellek ċaqlieq f'ħaddiema tal-kuntratturi, per eżempju dawk li joffru sigurtà.  Mill-ajruport u lukandi, bosta intbagħtu jaħdmu f'ċentri tas-saħħa u l-Isptar.    

'Mossa kerha jekk wara l-11 ta' April niġu mingħajr miżuri' 

Vella saħaq illi apparti l-ħaddiema qed ikunu "ibbumbardjati" b'telefonati ta' pensjonanti inkwetati li għadhom ma ħadux il-vaċċin kontra l-Covid-19.  "Għandek ħaddiema wkoll li huma frontliners li għadhom ma ħadux it-tilqim u hawnhekk qed nitkellmu fuq persuni li anke jekk ikollna lockdown sħiħ iridu joħorġu jaħdmu.  Hemm bżonn ikun hemm pjan ċar ta' meta dawn se jkunu qed jieħdu l-vaċċin," sostna Vella.  

Huwa sostna wkoll li l-ippjanar huwa importanti fejn jirrigwarda l-vaċċinazzjoni ta' ħaddiema fl-istess post tax-xogħol hekk kif, skont Vella, "kellna każi kumpaniji li kważi ġew għalkopptejhom minħabba leave tal-mard, wara l-għoti tal-vaċċin.  Għalhekk qed nappellaw biex jitqassmu." 

Huwa wera' dubji serji kemm wara l-11 ta' April se nerġgħu mmorru lura għan-normalità assoluta, qisu qatt ma kien xejn.  

"Huwa vera li negozji żgħar ma jifilħux wisq aktar, imma jekk nitfgħu l-isptar fi kriżi akbar milli diġà hu, jista' jkollna sitwazzjoni li mhux sostenibbli," saħaq Vella.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers temm iwissi li tkun "mossa kerha jekk wara l-11 ta' April niġu bla miżuri." 

Fil-fatt dwar dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci diġà ħabbret illi l-Gvern qed ifassal pjan ta' kif se jinħallu l-miżuri kurrenti wara l-11 ta' April - miżuri li saru propju biex jaqtgħu l-attivitajiet fil-jiem tal-Għid.  

More in Politika