150 residenti u bdiewa Qriema jiktbu lill-PM biex jintervjeni fil-każ tal-bini flyover fl-Imrieħel

Fakkru li l-proġett kif propost mill-Gvern se jiswa ħmistax-il tomna raba’ saqwi

Grupp ta’ iżjed minn 150 residenti u bdiewa fiż-żona ta’ Ħal Qormi u l-Imrieħel bagħtu ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela, fejn qed jitolbu l-intervent dirett tiegħu fil-kwistjoni tal-bini ta’ flyover u t-twessigħ tat-triq.

Ir-residenti appellaw lil Prim Ministru – li huwa residenti f’Ħal Qormi stess – biex jintervjeni b’mod dirett fil-kwistjoni, li se tiswa ħmistax-il tomna raba’ saqwi.

Iżjed kmieni dan ix-xahar, il-Kunsill ta’ Ħal Qormi ħabbar pjanti alternattivi għal dan il-proġett, fejn minflok il-flyover qed tiġi proposta mina taħt l-art li se jsalvaw meded kbar ta’ art agrikola.

Fl-ittra tagħhom, il-komunità ta’ Ħal Qormi qed titlob li l-Prim Ministru jikkonsidra dawn il-pjanijiet alternattivi mill-Kunsill, u ddikjara li dawn se jsolvu l-kwistjoni tas-sikurezza fl-Imriehel li spiss tintuża bħala ġustifikazzjoni minn Infrastructure Malta.

Ir-residenti spjegaw ukoll kif Frederick Azzopardi, li jmexxi Infrastructure Malta, l-ewwel ċaħad bosta talbiet għal-laqgħa, qabel ma finalment ftiehem li jiltaqa’ ma’ wħud minnhom.

Insistew li f’dawn il-laqgħat, Azzopardi ma tax widen lir-residenti u għamilha ċara li t-tħassib tagħhom kien se jiġi injorat. Qalu li Azzopardi ħa l-opportunità li jxerred informazzjoni skorretta dwarhom fuq ix-xandir tal-Istat, mingħajr ma ngħatat lilhom l-opportunità li jirrispondu.

“Nistgħu biss nimmaġinaw il-piż li dan kollu għandu fuq saħħitna u fuq il-benessri tagħna,” qalu r-residenti fl-ittra tagħhom.

Il-firmatarji – li kollha kemm huma residenti jew ġejjin minn Ħal Qormi – talbu lill-Prim Ministru jintervjeni fi spirtu ta’ djalogu u fiduċja reċirpoka, sabiex jikkunsidra kompromess bejn il-proġetti u l-benessri tagħhom.

Dan il-proġett ġab il-kundanna ta' bosta, fosthom anke tal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u l-Ewroparlamentari Alfred Sant.

More in Politika