'Kollha nafu nies li jpejpu l-kannabis ... mingħajr ir-riformi żgħażagħ ġenwini jistgħu jgħaddu martirju'

ll-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu responsabbli tal-kannabis

“Ċert li kull wieħed u waħda minna nafu nies li pejpu l-kannabis. Mingħajr dawn ir-riformi, iż-żgħażagħ ġenwini, uħud anki professjonisti, jirriskjaw li jinqabdu b’joints tal-kannabis u jgħaddu minn snin ta’ martirju meta jmissu mas-sistema tal-ġustizzja, b’riżultat li jistgħu jħallu impatt fuq il-futur tal-ħajja tagħhom u tal-familja tagħhom.”

Hekk saħaq il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Partit Laburista wara li l-Prim Ministru Robert Abela nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.

Tul il-konferenza, Bugeja saħaq li l-Partit Laburista u ż-żgħażagħ li jimmilitaw fih ma jibżgħux jiddiskutu suġġett li jista’ jkun skomdu u li għal ħafna snin kien u jista’ jkun għadu tabù.

Tal-istess fehma kien id-Deputat Mexxej Laburista, Daniel Micallef li saħaq li l-PL "dejjem kellu l-kuraġġ li jirrikonoxxi l-isfidi soċjali."

Insista li bħalma kien attiv fi sferi oħra, fil-ġimgħat li ġejjin, il-PL se jkun protagonist fid-diskussjoni dwar il-liġi tal-użu responsabbli tal-kannabis u se jieħu sehem f’konsultazzjoni interna kif ukoll ma’ dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw.

"Għal darb’oħra, il-Partit Laburista se jkun stakeholder ewlieni li jressaq l-ideat tiegħu, u anki kritika jekk ikun hemm bżonn," saħaq Micallef.

Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, qalet li l-proposti kollha li tressqu ’l quddiem huma frott bilanċ responsabbli bejn riċerka u edukazzjoni.

“Smajna diversi ommijiet li qed jibżgħu minn din ir-riforma, u għalhekk sodisfatti li l-proposti tal-Gvern huma responsabbli u meqjusa, u fuq kollox jibbilanċjaw lil xulxin. Ilqajna b’mod pożittiv ħafna l-projbizzjoni li jkun hemm tipjip tal-kannabis fil-pubbliku u quddiem it-tfal. Dan jgħodd ukoll għax-xorb alkoħoliku u s-sigaretti," saħqet Zammit Alamango.

Semmiet il-proposta li titwaqqaf Awtorità responsabbli għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kannabis u fakkret li t-tisħiħ legali se jsir fi sfond ta’ edukazzjoni aktar effettiva dwar is-suġġett.

Aqra aktar x'qed jipproponi l-Gvern billi tagħfas hawn.

More in Politika