Fearne jgħid lil BBC li fis-sajf Malta se tkun l-aktar pajjiż sigur għas-safar

Huwa qal dan meta kien qiegħed jiġi intervista fuq programm li xxandar fuq BBC Radio

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fis-sajf li ġej, Malta se tkun l-aktar pajjiż sigur għas-safar, "żgur fl-Ewropa u possibbilment anke fid-dinja."

Huwa qal dan meta kien qiegħed jiġi intervista fuq programm li xxandar fuq BBC Radio. 

Il-Ministru għas-Saħħa qal li dan huwa possibbli minħabba r-rata li biha qed jiġu mlaqqma l-Maltin. 

Insista li s-sigurtà u s-saħħa se jibqgħu jingħataw il-prijorità u għalhekk it-turiżmu se jinfetaħ b'mod li jkun sigur kemm għall-vjaġġatur u anke għal għal Maltin. 

Kien hawn li qal li Malta hija favur li jkun hawn passaport jew ċertifikazzjoni dwar il-vaċċin li jkun komuni għall-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, għax fi kliemu dan jagħti serħan il-moħħ mhux biss lit-turisti imma anke liċ-ċittadini ta' pajjiżi.

Fakkar li bħalissa, persuni li għadhom ma ħadux il-vaċċin xorta jistgħu jiġu Malta anke jekk hemm numru ta' restrizzjonijiet li jridu jimxu magħhom, skont il-pajjiżi li minnhom huma ġejjin u r-riskju li għandhom.

Mistoqsi dwar it-tħassib tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa li ħafna ċaqliq ta' persuni għalissa x'aktarx li mhux se jgħin, il-Ministru Fearne saħaq li s-sigurtà u l-kawtela għandhom jibqgħu fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni li tittieħed.

Madanakollu saħaq li għal dawk it-turisti li jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn il-programm tat-tilqim ikun miexi tajjeb, ma jarax għaliex Malta ma għandhiex tiftħilhom il-bibien, anke jekk reġa' tenna fuq l-importanza tal-kawtela.

Aqra wkoll:

More in Politika