L-ewwel li se jiftħu: L-iskejjel u l-ħwienet li joffru servizzi u prodotti mhux essenzjali

Minkejja li xejn mhu ċert, b'sitwazzjoni fluwida ħafna, sorsi jgħidu lill-gazzetta ILLUM li jekk kollox jibqa' kif inhu l-ewwel li mistennijin jiftħu huma l-iskejjel u l-ħwienet bħal tal-ħwejjeġ u sbuħija, bir-ristoranti jiġu wara u bars u turiżmu wara ... pjan li jeħodna sa Ġunju

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar il-pjan tiegħu li jiftaħ diversi istituzzjonijiet, attivitajiet u anke negozji mill-ġdid  - iżda b'mod gradwali, fuq medda ta' numru ta' ġimgħat.  

Sorsi differenti qalu lil din il-gazzetta illi l-ewwel li se jibdew huma l-iskejjel imbagħad il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut (retail) kif ukoll ħwienet li huma marbutin ma' sbuħija.  Dawn iżda se jiftħu taħt regoli u restrizzjonijiet partikolari li jitħabbru mill-Gvern ladarba jiżvela d-dettalji ta' dan il-pjan. 

Ir-ristoranti u snack bars, li ingħalqu meta tħabbru l-aħħar sett ta' miżuri u restrizzjonijiet, sa issa ma jidhirx li se jkunu qed jiftħu nhar it-Tnejn 12 ta' April. 

Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi qed jikkalkulaw illi jekk l-affarijiet ma jinbidlux u ma jkunx hemm żviluppi partikolari li jirrigwardaw il-Covid-19 - bħal varjanti ġodda, li jikkumplikaw is-sitwazzjoni mill-ġdid - dawn l-istabbilimenti jiftħu aktar tard dan ix-xahar jew inkella kmieni f'Mejju. 

Mistoqsijin għaliex l-iskejjel l-ewwel, dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi l-għeluq tal-iskejjel ġab ħafna probemi, mhux l-inqas dawk relatati mal-kontinwità fit-tagħlim u oħrajn marbutin ma' mijiet ta' ġenituri li ma jistgħux imorru x-xogħol.  Fil-fatt għal skema ta' għajnuna tal-Gvern lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux imorru x-xogħol minħabba li jridu joqgħodu ma' uliedhom kienu applikaw 1,261 ġenitur sa din il-ġimgħa, ħabbar il-Gvern. 

Dawk li tkellmu mal-ILLUM fakkru illi ħafna għalliema issa ngħataw il-vaċċin, apparti li l-vaċċin qed ikompli jinfirex fil-komunità, bin-numru ta' dożi sal-bieraħ jitla' għal ftit inqas minn 210,000 li minnhom kważi 60,000 huma nies li ħadu ż-żewġ dożi. 

Rapporti fuq il-midja lokali irrappurtaw kif il-pjan huwa li sas-7 ta' Ġunju li ġej il-poplu kollu ikun ħa imqar l-ewwel doża tal-vaċċin.  Il-proċess mistenni jitħaffef ladarba jasal il-vaċċin tal-Johnson&Johnson, li jirrikjedi biss titqiba waħda. 

Ladarba jkunu fetħu r-ristoranti u snack bars, imbagħad l-attenzjoni kollha - jgħid l-istess sors - ikun għal Ġunju, f'dak li għandu x'jaqsam ma' avvenimenti ftit ikbar (mhux tal-massa) u turiżmu.

"L-affarijiet għadhom fluwidi fil-verità - imma jidher li dan huwa l-pjan sa issa.  Naturalment wieħed irid iżomm f'moħħu r-realtà tal-pandemija u li tagħmel kemm tagħmel pjani, xejn mhu ċert fl-assolut.  Nittamaw li ma jkunx hemm problemi sabiex dan il-pjan iseħħ," saħaq is-sors ma' din il-gazzetta. 

Il-Gvern, kien ħabbar l-għeluq tal-iskejjel kollha, in-negozji kollha mhux essenzjali u diversi attivitajiet oħrajn wara illi Malta bdiet tiffaċċja numru rekord, fuq ieħor ta' każi ta' Covid-19 - bl-ogħla numru jkun irreġistrat nhar l-10 ta' Marzu b'510 każi, meta Malta kellha 3,185 każ attiv u kienu ingħataw 105,416 tilqima - nofs dawk li ngħataw sa issa.  Il-miżuri, li tħabbru dakinhar ukoll, kienu jinkludu l-għeluq tal-gyms, twaqqif ta' viżti l-isptar u anke l-projbizzjoni ta' tiġijiet - għajr għal funzjoni fil-Knisja. 

Il-Gvern kien naqqas il-gruppi li jistgħu jkunu flimkien għal erba' familji flimkien, li imbagħad reġa' niżżel għal tnejn. 

 

More in Politika