Tiżdied il-kwota tat-tonn fil-gaġġeġ Maltin - potenzjal ta' żieda ta' €25 miljun fl-ekonomija

Il-Ministru Anton Refalo jsejjaħ dan bħala 'nifs ġdid lis-settur'

Il-Gvern ħabbar li se tiżdied il-kwota tat-tonn fil-gaġġeġ Maltin wara li din giet approvata mill-Kummissjoni Ewropea. 

Fil-fatt, iż-żieda approvata abbażi tar-regolamenti attwali hi ta’ 1,474.492 tunnellata li se twassal għal total ta’ 10,260.492 tunnellata ta’ ammont massimu ta’ ħut li jista’ jidħol fl-irziezet tat-tonn f’Malta għall-istaġun tat-tonn 2021.

Fi stqarrija l-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, l-FMAP sostniet li din iż-żieda se tkun kapaċi li ttejjeb l-esportazzjoni tat-tonn bi kwazi 15%, ekwivalenti ghal €25 miljun aktar lejn l-ekonomija tal-pajjiż.

Il-Kap Ezekuttiv tal-FMAP Charlon Gouder innota li din l-aħbar "hija turija tax-xogħol kbir li l-Gvern, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u l-operaturi rappreżentanti mill-istess Fenedazzjoni qed jagħmlu biex itejjbu r-reputazzjoni tal-industrija fil-pajjiż u dan bl-introduzzjoni ta' aktar miżuri u mekkaniżmi li jsażżu l-kontabilità u t-trasparenza."

Il-Ministru tasl-Biedja u Sajd Anton Refalo sostna illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tilqa’ t-talba għal żieda "tagħti nifs ġdid lis-settur tat-tonn, li hu settur importanti ħafna għal pajjiżna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli."

More in Politika