Għeluq tal-iskejjel: 1,261 ġenitur japplikaw għall-għajnuna għax ma jistgħux imorru għax-xogħol

Sa nhar is-Sibt li ġej se jkunu tħallsu 594 familja

Fi tmiem din il-ġimgħa aktar ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena u ta’ tfal b’diżabbilta’ severa se jkunu qed jirċievu l-benefiċċju temporanju tal-Covid minħabba l-egħluq tal-iskejjel.

Fil-fatt sa nhar is-Sibt li ġej, ħabbar il-Gvern, se jkunu tħallsu 594 familja minn fost 732 applikant li kellhom l-applikazzjoni tagħhom maħduma sa issa.  Dan ifisser li 81% ta’ dawk li applikaw qed jirriżultaw eleġibbli u jitħallsu.

Il-gazzetta ILLUM kienet fuq quddiem b'rappurtaġġ ta' ġenituri li kienu ħosbiena lejliet l-għeluq tal-iskejjel hekk kif l-għajnuna li kienet diġà ingħatat is-sena l-oħra ma kinitx qed tiġi garanitita, fid-dawl tal-fatt li wħud ma kinux qed jitħallew jaħdmu mid-dar mill-impjegaturi tagħhom.  

Bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun telgħet għal €232,524 li meta imbagħad tgħodd il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li se titħallsilhom ukoll, in-nefqa taqbeż il-€258,000.

Sadattant qed ikomplu japplikaw aktar ġenituri fejn in-numru tal-applikanti issa laħaq l-1,261.  Dan ifisser li sa issa inħadmu 52% tal-applikazzjonijiet li daħlu waqt li l-kumplament qed ikomplu jinħadmu ta’ kuljum sabiex kull min hu eleġibbli jirċievi l-benefiċċju malajr kemm jista’ jkun.

 Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jassisti lill-familji sakemm hemm bżonn, "kif dejjem għamel tul iż-żminijiet. B’dan il-mod se nkomplu nwettqu ġustizzja soċjali, għaliex aħna Gvern tan-nies u għan-nies."

Skont l-iskema imħabbra mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, il-benefiċċju se jkun qed jitħallas sal-Ġimgħa 9 ta’ April.  Iżda jekk ir-restrizzjonijiet li kienu tħabbru fl-10 ta’ Marzu, speċjalment l-egħluq tal-iskejjel, jiġu estiżi wara l-11 ta’ April, il-benefiċċju jibqa’ jitħallas skont il-ħtieġa.

More in Politika