Dixxiplina, contact tracing b’saħħtu u l-vaċċin ... ingredjenti ta’ suċċess fil-ġlieda kontra l-Covid-19

Is-sit illum.com.mt iħares lejn l-istejjer ta' suċċess tal-Covid-19 madwarna mill-Awstralja sal-Iżlanda

Każi ġodda, imwiet, nuqqas ta’ sodod, pressjoni fuq l-isptarijiet, restrizzjonijiet, toroq u pjazez vojta u anzjani waħedhom. Dan huwa dak li qed nisimgħu kontinwament fl-aħbarijiet dwar il-Covid-19 kemm jekk dwar is-sitwazzjoni lokali jew internazzjonali. 

Importanti li dan kollu jkun irrapportat għax in-nies għandhom dritt ikunu jafu, iżda jibqa’ l-fatt ukoll li mhux kollox huwa iswed u hemm pajjiżi li sejrin tajjeb ħafna u oħrajn li mexjin ‘il quddiem. 

Il-gazzetta ILLUM għażlet erba’ pajjiżi u ħarset lejn l-istorja ta’ suċċess tagħhom u kif b’sagrifiċċji, dixxiplina, contact tracing b’saħħtu u anke bis-saħħa tal-vaċċin, qed jegħlbu l-virus.

Maratona ta’ lockdowns, dixxiplina, sistema unika ta’ kwarantina ... riċetta ta’ suċċess 

Jekk se nitkellmu fuq l-Awstralja rridu nħarsu lejn in-numri għax dawn jitkellmu waħedhom. L-Awstralja għandha popolazzjoni ta’ madwar 25 miljun persuna. L-ewwel każi ta’ Covid-19 instabu f’Jannar tal-2020. Minn dakinhar, instabu ftit aktar minn 29,000 każ u mietu ftit aktar minn 900 persuna. Bħalissa, fl-Awstralja hemm madwar 145 każ attiv. Fl-aħħar sebat ijiem ma kien hemm l-ebda każ ta’ trasmissjoni lokali tal-virus u ġieli għaddew ġimgħat sħaħ qabel ma nstab imqar każ wieħed ta’ Covid-19.

Iżda x’wassal għal dan is-suċċess? L-Awstralja kif żammet il-pandemija taħt kontroll? F’din il-pandemija rajna kif ir-rispons tal-Gvernijiet u l-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżi differenti u l-istrateġija addottata kienu kruċjali biex tkun ikkontrollata l-imxija.

Fl-Awstralja dan deher ċar. Malli feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19, ftit inqas minn xahar wara, daħal fis-seħħ lockdown strett immens. L-istess ġara f’Lulju meta l-każi reġgħu għollew rashom. Il-lockdowns damu ġimgħat sħaħ. F’Marzu tas-sena li għaddiet ingħalqu l-fruntieri. L-Awstralja hija magħfura bħala ‘gżira kontinent’ u għalhekk il-fatt li mdawra bil-baħar ifisser li aktar faċli tikkontrolla l-fruntieri. Nazzardaw ngħidu li simili għal Malta? Sa ċertu punt, iva.

Apparti minn hekk, l-Awstraljani li riedu jirritornaw kienu kostretti jagħmlu kwarantina f’lukandi apposta, ħafna drabi mgħassa anke minn pulizija jew suldati. Ma jfissirx li kollox ward u żahar. Biex ngħidu kollox, għad hemm Awstraljani li għadhom qed jistennew barra minn pajjiżhom biex jidħlu għax ma kienx hemm biżżejjed postijiet għalihom.

Il-Gvern Awstraljan sema wkoll mill-esperti aktar minn kull ħaġa oħra. Fil-fatt, fuq parir tal-esperti lokali, anke meta l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa kienet qed tgħid li r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar mhumiex neċessarji, l-Awstralja għalqet minnufih l-ivjaġġar minn u lejn iċ-Ċina.

Bħal fil-każ tal-Istati Uniti, fl-Awstralja l-poter huwa maqsum fuq tliet livelli, jiġifieri għandek il-Gvern federali, dak tal-istat u l-gvernijiet lokali. Anke jekk ħafna jikkritikaw din is-sistema, fil-każ tal-pandemija u l-kontroll tagħha, ħadmet speċjalment fejn jidħol il-contact tracing. 

L-akbar stat, f’termini ta’ popolazzjoni, huwa New South Wales li kellu sistema ta’ contact tracing tajba mmens u din, kif smajna diversi drabi, hija kruċjali biex tkun ikkontrollata pandemija. Il-fatt li kellek stati differenti jieħdu ħsieb il-kontroll tal-pandemija u anke sistemi bħal contact tracing f’idejhom, għen ħafna, għax flok għandek pajjiż wieħed sħiħ, qisu għandek ħafna pajjiżi żgħar u għalhekk faċli aktar tikkontrolla.

Fejn tidħol il-pandemija ma hemmx politika għall-Awstraljani. Malli feġġet il-pandemija, il-Prim Ministru Scott Morrison għaqqad mexxejja mill-istati differenti, anke jekk ġejjin minn partit differenti, f’kabinett nazzjonali u għalhekk tista’ tgħid li kien hemm qbil nazzjonali fuq ħafna mid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern.

Huwa fatt li aktar ma jkollok restrizzjonijiet ħarxa, akbar se tkun id-daqqa fuq l-ekonomija u n-negozju. Madanakollu, għax il-pandemija nżammet taħt kontroll, l-Awstralja setgħet tiftaħ l-ekonomija tagħha aktar malajr. Fil-fatt, ħafna mir-restrizzjonijiet inkluż fejn jidħlu ġemgħat, tnaqqsu, anke jekk dan jiddependi mill-istati differenti. 

Fejn jidħol il-vaċċin, l-Awstralja għadha ftit lura. Fil-fatt, it-tilqim beda fi Frar. Sa issa ġew amministrati madwar 300,000 doża. It-tieni fażi tal-programm tat-tilqim beda din il-ġimgħa anke jekk il-Gvern kien għamel mira ta’ 4 miljun doża sal-aħħar ta’ Marzu. Fl-ewwel fażi, it-tilqima bdiet tingħata lill-ħaddiema kollha tas-saħħa, persuni li jaħdmu fuq il-fruntieri, persuni li jaħdmu fil-faċilitajiet ta’ kwarantina u anzjani li jgħixu fi djar ta’ kura, fost oħrajn.

Issa fit-tieni fażi, il-vaċċin se jinfetaħ għal anzjani oħra u anke persuni vulnerabbli. It-tobba tal-familja se jibdew jamministraw il-vaċċin tal-AstraZeneca.

Imma nistgħu nikkumparaw l-Awstralja ma’ Malta? Diffiċli mmens kemm minħabba d-differenzi ġeografiċi, klimatiċi, il-kultura politika u fatturi oħra. Wieħed jistaqsi jekk Malta setgħetx tagħmel bħall-Awstralja u tagħlaq għal xhur sħaħ il-fruntieri esterni tagħha meta Malta tiddependi kważi għal kollox mit-turiżmu. Id-domanda domestika hija importanti iżda mhijiex biżżejjed. Li hu żgur huwa li d-dixxiplina, fil-kontroll ta’ din il-pandemija, tibqa’ essenzjali u kruċjali. 

Restrizzjonijiet f’waqthom u kommunikazzjoni tajba ... is-suċċess ta’ New Zealand

Ftit ‘il bogħod mill-Awstralja wieħed isib in-New Zealand li wkoll kellha storja ta’ suċċess fejn tidħol il-kontroll tal-pandemija. Inħarsu lejn in-numri. In-New Zealand għandha popolazzjoni ta’ ħames miljun persuna. Minn meta feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19 fil-pajjiż kienu rreġistrati ftit aktar minn 2,400 każ. Mietu 26 persuna. 

Il-lockdown strett immens għen biex il-pajjiż kważi jelimina għal kollox il-virus u anke biex jevita i-tixrid tal-varjanti. Kien hemm drabi fejn anke jekk f’Belt feġġ każ wieħed ta’ Covid-19, bħal f’Auckland, ir-residenti tagħha kienu mitluba jsegwu lockdown ta’ ftit jiem.

L-ewwel lockdown daħal fis-seħħ xahar wara s-26 ta’ Frar meta feġġ l-ewwel każ. Il-lockdown tneħħa fid-9 ta’ Ġunju wara li l-pajjiż kien ilu 18-il ġurnata ma jirrapporta każ wieħed ta’ Covid-19.

Anke jekk f’Awwissu l-virus reġa’ għolla rasu, ir-rata tat-trasmissjoni nżammet baxxa għax minnufih iddaħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet oħra. 

Fi New Zealand ukoll, sa minn kmieni s-sena li għaddiet, ingħalqu l-fruntieri kollha bil-Prim Ministru Jacinda Ardern tgħid ċar u tond li l-probabbilità hija li dawn se jibqgħu magħluqa għall-parti l-kbira tal-2021, anke jekk il-każi fil-pajjiż huma baxxi.

Fin-New Zealand hemm tliet livelli ta’ Allert. Bħalissa l-pajjiż jinsab taħt l-allert minimu, fejn l-awtoritajiet iwissu li anke jekk il-każi huma baxxi, hemm ċans li l-imxija terġa’ tirritorna.

Għalhekk, taħt dan il-livell, il-maskra għandha titlibes fuq it-trasport pubbliku, it-titjiriet domestiku u fit-taxis. L-appell huwa biex il-maskra tintlibes anke f’postijiet, partikolarment dawk fuq ġewwa, fejn diffiċli tinżamm id-distanza soċjali, fosthom anke fis-supermarkets.

Il-kontrolli fuq il-fruntieri jibqgħu fis-seħħ għal dawk kollha li jidħlu fil-pajjiż, inkluż screening, testijiet u 14-il ġurnata iżolazzjoni jew kwarantina mandatorja.

Ħafna faħħru wkoll il-kampanja ta’ kommunikazzjoni li saret b’messaġġi ċari u konċiżi, minn billboards, messaġġi fuq il-midja soċjali u anke leaflets li tqassmu f’kull dar.

Anke jekk il-lockdown kien strett u n-negozji batew, ftit wara, il-pajjiż kien lest biex jerġa’ jiftaħ l-ekonomija tiegħu.

Il-programm tat-tilqim, mill-banda l-oħra, beda ftit tard u miexi bilmod. Sa issa ġew amministrati madwar 40,000 doża tal-vaċċin. It-tir tal-pajjiż huwa li jixtri biżżejjed dożi mingħand Pfizer biex ikollu biżżejjed biex ilaqqam lill-popolazzjoni kollha.

Fi żmien erba’ xhur, il-mira tan-New Zealand hija li jlaqqam żewġ miljun persuna. Il-persuni li jaħdmu fuq il-fruntieri, il-frontliners, l-anzjani kollha u l-persuni vulnerabbli qed jingħataw prijorità. Il-bqija tal-popolazzjoni mistennija tkun offruta l-vaċċin minn Lulju. 

Bħal fil-każ tal-Awstralja, diffiċli tikkumpara lil Malta ma’ New Zealand anke jekk il-popolazzjoni tal-pajjiż mhijiex waħda kbira. Madanakollu, pajjiż li jiddependi totalment mit-turiżmu, ftit jista’ jagħmel bħan-New Zealand u jagħlaq il-fruntieri totalment jew jimponi restrizzjonijiet stretti mmens fuq min jidħol. Madanakollu, kampanja aħjar ta’ kommunikazzjoni u inqas messaġġi konflinġenti, setgħu għenu biex anke f’Malta l-pandemija ma taħrabx mill-kontroll.

Bars u kunċerti miftuħa ... L-Iżlanda suċċess għat-testijiet u l-contact tracing

L-Iżlanda kien l-ewwel pajjiż Ewropew li beda jerħi r-restrizzjonijiet wara t-tieni mewġa ta’ Covid-19. Dan il-pajjiż ikkontrolla malajr l-ewwel mewġa, iżda t-tieni mewġa ġiet aktar b’saħħa lejn l-aħħar tas-sajf li għadda anke jekk xorta waħda ġiet ikkontrollata malajr.

L-Iżlanda għandha popolazzjoni ta’ madwar 350,000 persuna. Minn meta feġġet il-pandemija kienu rreġistrati ftit aktar minn 6,100 każ u mietu 29 persuna. L-ogħla ammont ta’ każi rreġistrati f’24 siegħa kien dak ta’ 108 każi f’Ottubru.

Fil-fatt, ix-xahar li għadda, l-Iżlanda fetħet il-bars u anke l-gyms u l-pubbliku seta’ jerġa’ jibda jattendi għal kunċerti u t-teatru. Ir-ristoranti u l-iskejjel ukoll huma miftuħa.

L-Iżlanda wkoll huwa l-uniku pajjiż Ewropew li fil-mappa ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, huwa mmarkat bil-kulur ‘aħdar’ li jfisser rata baxxa ħafna ta’ infezzjonijiet u r-rata ta’ pożittività hija ta’ inqas minn 4%. Il-pajjiż issa ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat ma jirreġistra l-ebda każ ta’ trasmissjoni lokali. 

Esperti qalu li l-fatt li l-Iżlanda hija iżolata mill-kumplament tal-kontinent għen, iżda apparti minn hekk kienet imfaħħra ħafna għat-testijiet u anke l-contact tracing. Kull persuna li kienet qed tidħol fil-pajjiż kienet qed tintalab test u anke kwarantina. 

Dan kollu żamm is-sitwazzjoni taħt kontroll, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri stretti mmens u lanqas ma kien hemm bżonn li jingħalqu l-fruntieri.

L-Iżlanda ftit ftit qed tibda tiftaħ ukoll il-fruntieri tagħha u naqqset xi ftit ir-restrizzjonijiet ukoll anke jekk xorta waħda b’kawtela minħabba l-varjanti. 

Fil-fatt, minkejja li għal xhur l-Iżlanda żammet il-varjant barra, ftit tal-jiem ilu ħarab każ, wara li persuna rriżultat pożittiva ftit wara li daħlet fil-pajjiż. Il-varjant għadda wkoll għand it-tieni persuna. Din tal-aħħar marret ix-xogħol u anke għal kunċert li għalih attendew 800 persuna. Madanakollu, bis-saħħa ta’ sistema b’saħħitha ta’ contact tracing, fi ftit sigħat, sar kuntatt mal-persuni kollha u fi ftit jiem, aktar minn 1,000 persuna, għamlu test. Żewġ każi oħra kienu identifikati u dawk kollha infettati tpoġġew f’iżolazzjoni f’lukanda. Il-varjant, għalhekk reġa’ ġie kkontrollat. 

Fl-Iżlanda wkoll għaddej it-tilqim. Sal-aħħar ta’ Marzu mistennija jkunu mlaqqma 38,000 persuna bit-tir huwa li nofs il-popolazzjoni, jew madwar 190,000 persuna, jkunu tlaqqmu sal-aħħar ta’ Lulju. 

L-Iżlanda bħal Malta hija gżira. Il-popolazzjoni tagħha hija simili għal ta’ Malta, anke jekk ftit iżgħar. L-istorja ta’ suċċess tal-Iżlanda faċilment tista’ tkun replikata f’Malta. Aktar kontrolli fuq il-fruntieri u sistema ta’ contact tracing aktar effiċjenti huma s-sigriet.

Suċċess mhux bir-restrizzjonijiet imma bil-vaċċin...

Dan l-aħħar qed nisimgħu ħafna dwar l-Iżrael. Forsi ma kienx l-aqwa pajjiż biex jikkontrolla l-pandemija iżda fejn jidħol it-tilqim ħarab jiġri ‘l quddiem. L-Iżrael għandu popolazzjoni ta’ disa’ miljun persuna. Minn meta feġġet il-pandemija, kellu aktar minn 800,000 każ u mietu aktar minn 6,000 persuna. Bħalissa hemm madwar 14,000 każ attiv.

Aktar milli r-restrizzjonijiet li ġew imposti fl-aħħar xhur, is-suċċess tal-Iżrael kien aktar jiddependi mit-tilqim. Sa issa, madwar 60% tal-popolazzjoni ħadet imqar doża waħda tal-vaċċin. Madwar nofs il-popolazzjoni ħadet iż-żewġ dożi.

Fil-fatt, minn Frar li għadda, wara li studji li saru, rriżulta li l-vaċċin ta’ Pfizer kien 95.8% effettiv fejn tidħol il-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet serji u mwiet, bdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet.

Il-ħwienet issa huma miftuħa u anke l-attrazzjonijiet turistiċi anke jekk l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali jibqgħu fis-seħħ.

Miftuħa wkoll il-gyms, il-lukandi u anke l-postijiet reliġjużi. Madanakollu, biex persuna tidħol f’dawn l-istabbilimenti, ħwienet jew binjiet, jeħtieġ li jkollhom dak li qed jissejjaħ ‘green passport,’ jiġifieri ċertifikat li qed jingħata lil dawk il-persuni li jkunu ħadu l-vaċċin.

Dan ‘il-passaport,’ li huwa wkoll diġitali, qed jinħareġ mill-ministeru għas-saħħa u huwa validu għal sitt xhur minn ġimgħa wara li persuna tkun ħadet it-tieni doża.

Anke l-kunċerti u l-attivitajiet sportivi huma miftuħa għall-pubbliku anke jekk b’limitu ta’ 300 persuna fuq ġewwa u 500 fuq barra.

Fejn jidħol it-tilqim Malta miexja tajjeb ħafna wkoll. Kien hemm min staqsa jekk anke f’Malta għandux jinħareġ dan ‘il-passaport’ biex persuna tkun tista’ tattendi attivitajiet. Fost dawk li għamel din il-proposta, kien hemm Howard Keith Debono, president tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tad-Divertiment u l-Arti (MEIA). Madanakollu, sa issa, dwar dan ftit li xejn issemma, aktar u aktar issa meta Malta esperjenzat żieda fil-każi minħabba l-varjant.

More in Politika