L-istess persuna wara Macbridge tinsab wara kumpanija oħra li fiha daħlu €1 miljun mingħand Yorgen Fenech

Dawn il-flus daħlu fil-kumpanija Dow’s Media xahar biss wara li l-Enemalta kienet xtrat l-ishma tal-windfarm kontroversjali fil-Montenegro u li fih bill subajgħ ukoll Yorgen Fenech

Hekk kif illum sar magħruf minn kien wara l-kumpanija Macbridge, li bħal 17 Black kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, ġie żvelat ukoll li fl-istess żmien ta' Macbridge, twaqqfet kumpanija oħra bl-isem ta' Dow’s Media.

Is-sid tal-kumpanija Macbridge hija Tang Zhaomin, il-kunjata tan-negozjatur Ċiniż Chen Cheng li kellu sehem attiv biex il-kumpanija Shanghai Electric Power tixtri 33% tal-ishma fl-Enemalta (għal €320 miljun) fl-2014 u anke kellha sehem fl-investiment tal-Enemalta fil-wind farm kontroversjali tal-Montenegro, li minnu, Yorgen Fenech, ħa l-miljuni. 

Fil-kumpanija Dow’s Media kienu daħlu €1 miljun minn 17 Black, xahar biss wara li l-Enemalta xtrat l-ishma tal-windfarm tal-Montenegro, wara li l-istess Chen Cheng serva ta' intermedjarju bejnha u bejn il-kumpanija Cifidex.

Cifidex kienet xtrat il-windfarm ħmistax qabel wara li kienet ħadet madwar €3 miljun mingħand il-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech.

Fil-fatt, Cifidex kienet biegħet l-ishma lil Enemalta għal €7.4 miljun aktar minn kemm xtrathom hi, tant li f'17 Black kienu daħlu €4.6 miljun bħala profitt.

Id-Direttur ta' Dow’s Media hija Wang Rui, sieħba fin-negozju mal-kunjata ta' Chen Cheng, li kif spjegat aktar 'il fuq, hija mniżżla bħala s-sid tal-kumpanija MacBridge.

Meta kienet mistoqsija minn Reuters dwar din il-kumpanija, Wang qalet li kien Cheng stess li talabha tidher għall-kumpanija f'ismu.

"Talabni nwaqqaf din il-kumpanija u jiena ħsibt li ma kien hemm l-ebda problema f'dan," qalet Wang. "Qalli li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel xogħol relatat mal-midja."

Din il-kumpanija twaqqfet f'Ottubru 2014, ġimgħat biss wara Macbridge. 

Iż-żewġ kumpaniji ġew xolti fl-istess ġimgħa f'Jannar tal-2019, xahrejn biss wara li sar magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Aqra aktar fid-dettall:

More in Politika