Negozjatur Ċiniż involut fil-powerstation huwa wara l-kumpanija Macbridge

Minn Macbridge, l-istess bħal 17 Black, kellhom jgħaddu flus għall-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri

Chen Cheng, negozjatur Ċiniż, li kien involut f’diversi negozjati mal-Enemalta huwa wara l-kumpanija Macbridge, l-istess kumpanija li bħal 17 Black allegatament twaqqfet biex minnha jixxaħħmu l-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi.

Skont investigazzjoni minn Times of Malta, Reuters u oħrajn, is-sid ta’ din il-kumpanija hija Tang Zhaomin, il-kunjata tan-negozjatur ta’ Accenture Chen Cheng.

X’inhi Macbridge? Min hu Chen Cheng?

Macbridge issemmiet għall-ewwel darba f’imejl bħala waħda miż-żewġ kumpaniji li minnhom kellhom jgħaddu flus għall-kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi. Il-kumpanija l-oħra, deskritta bħala ‘target client’ ta’ dawn il-kumpaniji fil-Panama kienet 17 Black. 

Il-kumpanija Accenture, permezz ta’ Chen, kienet kruċjali biex il-kumpanija Shanghai Electric Power tixtri 33% tal-ishma fl-Enemalta (għal €320 miljun) fl-2014 u anke kellha sehem fl-investiment tal-Enemalta fil-wind farm kontroversjali tal-Montenegro, li minnu, Yorgen Fenech, ħa l-miljuni. 

Aqra: Rapporti jallegaw profitti ta' miljuni għal Yorgen Fenech mix-xiri ta' wind farm fil-Montenegro

Kumpanija oħra mwaqqfa b'mod parallel ma' Macbridge

L-istess investigazzjoni żvelat kumpanija oħra, li twaqqfet b’mod parallel ma’ Macbridge, jisimha, Dow’s Media u li fiha daħlu €1 miljun minn 17 Black, xahar wara l-investiment tal-Enemalta fil-wind farm tall-Montenegro.

Id-Direttur ta' Dow’s Media hija Wang Rui, sieħba fin-negozju mal-kunjata ta' Chen Cheng, li kif spjegat aktar 'il fuq, hija mniżżla bħala s-sid tal-kumpanija MacBridge.

Meta kienet mistoqsija minn Reuters dwar din il-kumpanija, Wang qalet li kien Cheng stess li talabha tidher għall-kumpanija f'ismu.

"Talabni nwaqqaf din il-kumpanija u jiena ħsibt li ma kien hemm l-ebda problema f'dan," qalet Wang. "Qalli li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel xogħol relatat mal-midja."

Din il-kumpanija twaqqfet f'Ottubru 2014, ġimgħat biss wara Macbridge. Iż-żewġ kumpaniji ġew xolti fl-istess ġimgħa f'Jannar tal-2019, xahrejn biss wara li sar magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Cheng u l-windfarm ta' Montenegro

Kien dan Cheng li introduċa lill-kumpanija Cifidex mal-Enemalta u li mingħandha xtrat il-windfarm fil-Montenegro.

Cifidex biegħet l-ishma tal-windfarm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament hi kienet xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol għal €2.9 miljun, jiġifieri kien hemm differenza ta' €7.4 miljuni. 

€4.6 miljun minnhom huwa allegat li għaddew f'17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech. 

Dan hekk kif €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cifidex qabel din xtrat l-ishma, jiġifieri l-flus ta' Cifidex biex tixtri l-Windfarm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.

Yorgen Fenech kien jaf b’kollox?

F’Lulju tas-sena li għaddiet, il-gazzetta oħt, MaltaToday kienet żvelat li meta ġie arrestat, f’Novembru tal-2019, Yorgen Fenech (l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia), kien qal lill-Pulizija li l-kumpanija Macbridge kienet twaqqfet biex minnha jgħaddu flus li għandhom x’jaqsmu ma’ proġetti ffinanzjati mill-Gvern.

Fil-fatt, Fenech kien qal lill-Pulizija li hu lest jikxef dettalji dwar din il-kumpanija. Qal li kien jaf ta’ min hi u għalxiex twaqqfet.

Chen Cheng jissemma fl-inkjesta Egrant...

Fir-rapport tal-inkjesta Egrant, il-Maġistrat Aaron Bugeja isemmi laqgħa li saret f'Ġunju tal-2014 ma' Cheng Chen biex ikunu diskussi mudelli ta' negozji, l-enerġija, it-turiżmu u setturi oħra. Għal din il-laqgħa kellhom ikunu preżenti Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna.

Cheng Chen huwa wkoll klijent ta' Nexia. Ir-rapport Egrant isemmi Private Public Partnership għal MACHIN (Malta China) Project, li kellha tkun entità għall-promozzjoni ta' investiment bejn iċ-Ċina u Malta. Din l-entità kellha tkun irreġistrata Malta u 100% kkontrollata minn kumpanija fil-British Virgin Islands.

"Din l-entità kellha tkun awtorizzata mill-Gvern Malti bħala l-uniku aġenzija rappreżentattiva Maltija għall-promozzjoni tal-investiment fiċ-Ċina," jgħid ir-rapport. Egrant. "Jissemma wkoll li l-mekkaniżmu koperattiv kellha titwaqqaf bl-għajnuna ta' ċertu persuna jisimha Sai. Din tista' tkun Sai Mizzi Lang, il-mara ta' Konrad Mizzi."

Kif qed iwieġbu l-partijiet għal dawn l-akkużi?

Jidher li Times of Malta kkuntatjat lill-persuni kollha msemmija jew li b’xi mod kellhom rabta ma’ Cheng.

L-Avukat ta’ Brian Tonna, Stephen Tonna Lowell, qal li l-klijent tiegħu mhux se jkun qed jikkumenta dwar Macbridge.

Konrad Mizzi qal li ma għandu l-ebda informazzjoni dwar din il-kumpanija u li b’xi mod jew ieħor kellu xi negozju magħha jew xi interess personali fi proġett pubbliku.

Ikkonferma li jaf lil Chen Cheng bħala konsulent li kien qed jassisti lil Shanghai Electric Power.

Keith Schembri lanqas ma wieġeb hekk kif il-gazzetta talbet kumment permezz tal-Avukat tiegħu.

Intant il-kumpanija Accenture, li magħha jaħdem Cheng, qalet li se tkun tħares bir-reqqa lejn dawn l-allegazzjonijiet.

Il-legat ta' Caruana Galizia

Kienet Daphne Caruana Galizia l-ewwel li semmiet il-kumpaniji 17 Black Ltd and Macbridge Ltd, anke jekk dettalji dwarhom ftit li xejn kellha.

Fil-fatt, Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq dawn iż-żewġ kumpaniji wara li rċeviet informazzjoni li dawn kienu parti minn skema biex uffiċjali għolja tal-Gvern Malti jirċievu tixħim.

Jidher li f'April tal-2016, Daphne Caruana Galizia kienet bagħtet messaġġ lil binha Matthew, tgħidlu li dawn iż-żewġ kumpaniji kienu kruċjali fl-investigazzjoni li kienet qed taħdem fuqha dwar ħasil tal-flus u anke l-kumpaniji fil-Panama.

Hija nqatlet b'karozza bomba f'Ottubru tal-2017. 

More in Politika