In-neputi ta' Mabel Strickland isejjaħ għar-riżenja tad-diretturi li għażlu lil Hillman u lil Buhagiar

Robert Hornyold-Strickland għandu 13% tal-ismha fl-Allied Newspapers

Wieħed mis-shareholders tal-Allied Newspapers qed iħeġġeġ lid-diretturi tal-kumpanija u lill-membri tal-Fondazzjoni Strickland biex jerfgħu r-responsabbilità tagħhom wara dak li qed ikun żvelat fil-Qorti kontra żewġ eks diretturi maniġjerali.

Robert Hornyold-Strickland, li għandu 13% tal-ismha fl-Allied Newspapers u li huwa wkoll in-neputi ta’ Mabel Strickland, qal li se jkun qed ifittex parir legali fuq kif il-kumpanija, li tippublika t-Times of Malta, tkun tista’ tikseb lura l-flus li ġiet iffrodata meta xtrat l-istamperija l-ġdid fl-Imrieħel.

Il-ġimgħa li għaddiet, tressaq il-Qorti Vince Buhagiar, eks direttur maniġerjali tal-Alied Newspapers u ġie akkużat b’ħasil tal-flus. Hu kien wieħed minn dawk li tressaq il-Qorti u li fosthom kien hemm l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Il-każ idur madwar ix-xiri ta’ tagħmir ġdid għall-istampar. Dan xtratu l-Progress Press mingħand il-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri. Fil-Qorti, il-prosekussjoni spjegat kif il-Progress Press kienet iffrodata €5 miljun, bil-profitt imur fil-kontijiet personali ta’ Buhagiar, Adrian Hillman, Keith Schembri u Malcomn Scerri, is-sieħeb ta’ Schembri fin-negozju.

Fi stqarrija, Hornyold-Strickland saħaq li dawk kollha, fi ħdan l-Allied Newspapers, li b’xi mod kienu involuti fl-ingaġġ ta’ dawn iż-żewġ diretturi, għandhom jerfgħu r-responsabbilità.

“Jekk dawn l-allegazzjonijiet ikunu pprovati, nemmen li dawk kollha li kienu fuq il-bord tal-Allied u l-Progress, fi żmien meta dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu, għandhom jirriżenjaw, l-istess kien għandu jagħmel il-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland li eleġġew lil Hillman,” insista waqt li saħaq li bħalissa zitu, Mabel Strickland, qed “titqalleb fil-qabar.”

Insista li ilu snin juri t-tħassib tiegħu dwar ċertu membri fit-tmexxija tal- Allied Newspapers iżda saħaq li ftit kienu dawk li tawh widen.

Hornyold-Strickland jisħaq li hu l-uniku eredi ta’ Mabel Strickland u ilu snin jikkontesta fil-Qorti dik li hu qed isejħilha bħala “l-ħatfa’ tal-Fondazzjoni Strickland mill-Allied Group.

Saħaq li s-shareholders li għandhom il-minoranza tal-ishma qatt ma tħallew jaraw ir-rapport intern li sar dwar Adrian Hillman wara l-allegazzjonijiet li kienet ippubblikat dwaru Caruana Galizia fl-2016.

More in Politika