'M'għandna l-ebda intenzjoni li nieqfu' - Graffitti bit-tieni ġimgħa ta' protesti f’Ħad-Dingli

Graffitti qed jakkużaw lil Infrastructure Malta li qed tuża l-bullying, l-arroganza, il-gafef u l-makkinarji biex issikket leħen ir-residenti

Il-Moviment Graffitti, fi stqarrija, qal li “m’għandu l-ebda intenzjoni” li jwaqqaf l-azzjonijiet tiegħu f’Ħad-Dingli wara li, skont l-attivisti, it-talbiet li għamlu għal laqgħa mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg baqgħu mingħajr tweġiba.

L-attivisti ilhom mill-ġimgħa li għaddiet iwaqqfu xogħlijiet fuq triq kontroversjali li Infrastructure Malta trid tibni għax skont l-aġenzija, ma tgħaddix vettura tat-tifi tan-nar.

Iżda r-residenti qed jisħqu li din hija biss skuża u t-triq qed tinbena biex ikun jista' aktar bini. Qed jipprotestaw ukoll għax se jinqalgħu siġar antiki u għax fil-viċin hemm fdalijiet ta' kappella medjevali.

"Ir-residenti u l-attivisti s’issa rnexxielhom b’suċċess iwaqqfu x-xogħlijiet fuq triq parzjalment skemata f’Ħad-Dingli; triq li ħalliet lir-residenti rrabjati minħabba li fil-verità m’hemm bżonnha xejn, filwaqt li l-aġenzija statali Infrastructure Malta daħlet bħal gaffa fiż-żona mingħajr il-permessi meħtieġa u mingħajr lanqas biss iddiskutiet l-esproprijazzjoni tal-art mas-sidien tal-art kif suppost," saħqu l-attivisti.

Fakkru li nhar il-Ħamis, il-Moviment Graffitti għamel sejħa pubblika għal djalogu mal-awtoritajiet ikkonċernati, u enfasizza kif ma ġew ippubblikati ebda pjanijiet uffiċjali filwaqt li qajjem tħassib u dubji dwar kemm hu minnu li din it-triq hemm bżonnha.

“Sa issa, nistgħu ngħidu li ma rċevejna ebda talba formali biex niltaqgħu u niddiskutu l-kwistjoni b’mod xieraq. Mhux se nkunu qed naċċettaw talbiet għal laqgħat mingħajr ma jkun hemm ir-residenti u l-bdiewa bilqiegħda mal-mejda, u mhux f’ambjenti ostili.” qal kelliem għall-grupp. “Din hija tattika diviżiva li Frederick Azzopardi uża u implimenta kemm-il darba fi proġetti oħra, b’mod l-aktar notevoli f’dak tas-Central Link.”

Insistew li pproponew post newtrali fejn il-laqgħat ta’ diskussjoni jkunu jistgħu jsiru b’mod seren u professjonali. 

Għalhekk, l-attivisti qalu li se jkomplu bl-azzjonijiet f’Ħad-Dingli sakemm l-awtoritajiet jiddeċiedu li "jinżlu minn fuq it-tron tal-arroganza.”

"M’aħniex sorpriżi b’dan, peress li nemmnu li Infrastructure Malta m’għandhiex il-kuraġġ tgħid lil Ħad-Dingli u lir-residenti tiegħu x’inhuma l-pjanijiet tagħha, iżda minflok tippreferi tattiċi ta’ bullying, arroganza, u l-użu tal-gafef u l-makkinarji tagħha biex issikket leħen ir-residenti. Iżda dan ma jiġrix biss f’Ħad-Dingli. Staqsu lir-residenti u lill-bdiewa fl-Imrieħel, Burmarrad, Luqa, Ħaż-Żebbug, Għawdex, u jirrakuntawlkom l-istess stejjer ta’ qerda bla rażan, gideb u theddid," komplew l-attivisti.

Minbarra t-talba tagħhom biex jiġu ppubblikati l-pjanijiet uffiċjali għat-triq il-ġdida f’Ħad-Dingli, il-Moviment Graffitti enfasizza wkoll kif m’hemm l-ebda informazzjoni dwar kemm se tintilef art ODZ, u talab biex isiru garanziji kontra aktar qerda ta’ siġar. 

“Infrastructure Malta qed tabbuża l-poter tagħha, u tipprova tibqa’ għaddejja bħal gaffa minn fuq raħal sħiħ u r-residenti tiegħu, bla ma ħadd għandu traċċa ta’ ħjiel il-għala dan kollu qed iseħħ," komplew jisħqu.

Akkużaw ukoll wieħed mill-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta li pperikola l-ħajja ta’ żewġ attivisti meta, fost oħrajn, użaw chainsaw ftit pulzieri ’l bogħod minn sieq attivista.

"Resident ieħor irrapporta li ġie ffastidjat minn uffiċjali ta’ Infrastructure Malta nhar l-Erbgħa, meta rċieva diversi telefonati fuq in-numru personali tiegħu, biex jitolbuh imur fl-uffiċċji ta’ IM flimkien mal-avukat tiegħu, mingħajr spjegazzjoni dwar x’awtorità għandha l-aġenzija statali biex titlob liċ-ċittadini jmorru fl-uffiċċji tagħha biex teżercita xi tip ta’ azzjoni punittiva," komplew l-attivisti.

“Nerġgħu ntennu s-sejħa tagħna lill-Ministru Borg u lil Azzopardi, biex imqar għal darba, jippruvaw jagħżlu t-triq ta’ djalogu - triq li ċarament għadhom iridu jagħrfu b’liema mezzi għandha tinbena,” temmew jgħidu l-attivisti. 

Intant madwar 200 resident iffirmaw petizzjoni ta' Graffitti kontra dan il-proġett, ġurnata biss wara li tliet residenti fetħu protest ġudizzjarju biex iwaqqfu lil Moviment Graffitti milli jkomplu jipprotestaw.

Tweġiba Infrastructure Malta għal dan l-artiklu:

F’dawn l-aħħar xhur, Infrastructure Malta ltaqgħet ma’ dawk kollha konċernati sabiex tiddiskuti l-iżvilupp tat-triq skedata meħtieġa biex tgħaqqad Sqaq il-MUSEUM, id-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco, f’Ħad-Dingli.

Fil-fatt, sal-ġimgħa li għaddiet stess, l-aġenzija kienet għadha qed titkellem ma’ uħud mir-residenti, fosthom dawk ta’ Triq San Ġwann Bosco, sabiex tindirizza t-tħassib tagħhom u tiżgura li x-xogħol li qed isir f’din iż-żona jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, bl-inqas impatti negattivi possibbli. Grazzi għal dawn id-diskussjonijiet, nhar il-Ħamis li għadda l-aġenzija ħabbret li lagħet it-talbiet kollha li għamlu r-residenti ta’ Triq San Ġwann Bosco għall-bini ta’ din it-triq. Laħqet ukoll ftehim t’espropju mas-sidien tal-artijiet tal-partijiet tat-triq ġdida fejn diġa beda x-xogħol.

Infrastructure Malta tibqa’ disposta li tiltaqa’ ma’ dawk kollha li għandhom proposti jew diffikultajiet dwar ix-xogħlijiet tagħha, u li jkunu jixtiequ li jinstabu soluzzjonijiet fl-aħjar interess ta’ kullħadd. Fil-fatt, din il-ġimgħa se tkompli tiltaqa’ m’aktar residenti tal-inħawi, li resqu ‘l quddiem għal aktar diskussjonijiet fis-sigħat li għaddew. Kull proposta li tista’ tkattar il-benefiċċji tal-investiment ta’ Infrastructure Malta fl-infrastruttura pubblika tal-pajjiż tiġi meqjusa, u fejn possibbli titwettaq, bħal ma sar f’ħafna proġetti f’lokalitajiet oħra fis-snin li għaddew.    

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Moviment Graffitti nhar il-Ħamis li għadda, Infrastructure Malta mill-ewwel bagħtet stedina bil-miktub lill-Graffitti sabiex issir laqgħa teknika l-għada stess (il-Ġimgħa) ħalli fiha l-periti ta’ Infrastructure Malta jwieġbu l-mistoqsijiet tal-istess għaqda, fosthom dwar jekk hit-triq il-ġdida hux ser tinbena fuq art fiż-żona tal-iżvilupp jew barra minnha. Għal xi raġuni, din l-istedina ma ntlaqatx. L-għada l-Ġimgħa, Infrastructure Malta reġgħet estendiet l-istedina tagħha għal din il-laqgħa teknika, f’data u ħin konvenjenti għall-istess għaqda.

Din l-istedina għadha miftuħa.

Infrastructure Malta temmen fil-konsultazzjoni u djalogu ġenwin li jwassal għal riżultati u soluzzjonijiet li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-bieb ta’ l-aġenzija jibqa’ miftuħ għal dawk kollha li ġenwinament jixtiequ jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet sostenibbli u fattibbli, fl-aħjar interess ta’ dawk kollha konċernati.   

More in Politika