Il-ġemgħat fil-pubbliku jinżlu għal tnejn minn nies ... 'mhux il-mument li nillaxkaw' jgħid il-PM

Multi ta' €300 għal mkin jikser dan ir-regolament  - pajjiżi kollha fuq il-lista l-Ħadra se jiżdiedu mal-lista amber

Minn għada, it-Tnejn, se tiġi riveduta l-lista ta’ pajjiżi taż-żona amber biex il-pajjiżi kollha li s’issa huma fiż-żona l-ħadra jiżdiedu ma’ din il-lista. 

B’hekk kull vjaġġatur li jasal f’Malta minn kwalunkwe pajjiż ieħor se jkun rikjest jippreżenta PCR COVID-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta. Persuni li jonqsu milli jipproduċu dan it-test jistgħu jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.

Titjir minn pajjiżi fiż-żona l-ħamra se jibqa’ projbit għajr għal vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni.

Dan filwaqt li min-nhar l-Erbgħa, 31 ta’ Marzu 2021, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn 4 persuni għal żewġ persuni. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Dan ifisser li fi  spazji  pubbliċi,  gruppi  ta’  aktar  minn  żewġ persuni għandhom ikunu projbiti, inkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.

Persuni li jiksru din il-miżura ser ikunu soġġetti għal multa ta’ €300 kull persuna.

Dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ fuq suġġeriment tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19 waqt il-festi tal-Għid.

Il-Prim  Ministru Robert Abela qal dalgħodu meta kien qed jirrispondi lill-ġurnalisti illi dan mhux il-munent li nillaxkaw u fakkar li se jkun qed jitħabbar pjan ta' kif jerġgħu jibdew jiftħu n-negozji li bħalissa jinsabu magħluqin. 

In-numri tal-Covid-19 baqgħu stabbli u madwar 100 kuljum din il-ġimgħa, ħafna inqas mill-madwar 200 u saħansitra 300 każ li kien qed ikollna kuljum. 

 

More in Politika