BirdLife Malta bi protest ġudizzjarju kontra l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa

L-għaqda tgħid li kienu 292 kaċċatur biss li qalu kemm qabdu għasafar matul l-istaġun tal-2020 u allura l-Gvern ma għandux biżżejjed informazzjoni f'idejh biex jerġa jiftaħ l-istaġun

Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta
Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta

BirdLife Malta ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Ministru għall-Ambjent, il-Ministru għal Għawdex u l-Kap tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) "talli qed jippjanaw li jiftħu staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa mingħajr ma ntlaħqu l-miri u l-kriterji stipulati bil-liġi."

L-għaqda fakkret li l-liġi tistipula li l-Gvern jista’ jiftaħ biss staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa – b’deroga mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar – "jekk l-istaġun tal-kaċċa tal-Ħarifa ma kienx alternattiva sodisfaċenti. Dan ifisser li staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-Summiena (Common Quail) jiddependi fuq l-ammont ta’ Summien ikkaċċjat tul il-ħarifa ta’ qabel.," qalet l-istqarrija ta' Birdlife. 

BirdLife Malta qalet illi fid-dawl ta’ dan, il-Gvern obbliga lill-kaċċaturi kollha biex jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom, u l-kaċċaturi huma obbligati bil-liġi li jiddikjaraw l-ammont sħiħ tal-għasafar kollha li jkunu kkaċċjaw. "Kien ovvju li dan qed jimmotiva lill-kaċċaturi biex ma jiddikjarawx dak li jkunu qabdu u maż-żmien il-livell ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-kaċċaturi beda jonqos sew. Dan kien aċċettat mid-WBRU u l-għaqdiet tal-kaċċaturi li m’għamlu xejn biex jiżguraw sens ta’ dixxiplina fost il-kaċċaturi membri tagħhom biex jirrispettaw dan l-obbligu."

L-għaqda sostniet li fl-2020 292 kaċċatur biss, jew 2.7% mit-total ta’ 10,675 kaċċatur liċenzjat, ipparteċipaw fil-carnet de chasse. "B’livell daqstant baxx ta’ parteċipazzjoni, BirdLife Malta qed targumenta li l-Gvern m’għandux f’idejh data suffiċjenti biex jieħu deċiżjoni u għaldaqstant dan ma jippermettix lill-Gvern li jiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa din is-sena." 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Wieħed jinnota kif il-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jikkuntenta lil-lobby tal-kaċċaturi, imma nfakkruh li xorta jibqa’ responsabbli li jassigura li l-liġi tiġi rispettata."

More in Politika