2,500 telefonata kuljum mingħand persuni li jkollhom bżonn pariri dwar il-Covid-19

Fiċ-ċentru ġdid tat-Telemedicine ikun hemm  preżenti madwar seba' tobba kuljum filwaqt li matul il-lejl ikun hemm erbgħa

Iċ-Ċentru tat-Telemedicine jirċievi madwar 2,500 telefonata kuljum mingħand persuni li jkunu jridu jistaqsu telefonati relatati mal-Covid-19.

Mill-1 ta’ April 2020 sa issa rċieva 564,940 telefonata. 

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żaru ċ-ċentru ġdid tat-Telemedicine fit-Technopark tal-Mosta fejn seta’ josserva mill-viċin il-ħidma konġunta li qed issir minn għadd ta’ professjonisti.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-ħaddiema qegħdin joffru s-servizz tagħhom lejl u nhar u jiffurmaw parti mill-frontliners ta’ pajjiżna.

Abela tenna li ħaqqhom kull rikonoxximent u rringrazzjahom ta’ sehemhom matul din il-pandemija, partikolarment billi offrew servizz professjonali lill-komunità f’mumenti fejn il-pazjent kien qiegħed jitlob xi forma ta’ għajnuna.  

Is-servizzi mediċinali f’dan iċ-ċentru jingħataw minn 30 tabib u 11-il infermier. Matul il-ġurnata jkun hemm preżenti madwar seba' tobba filwaqt li matul il-lejl ikun hemm erbgħa.

Dawn il-professjonisti jassistu b’diversi modi fosthom billi jagħtu parir mediku lill-pazjenti, jipprovdu serħan il-moħħ għas-sintomatoloġija tal-pazjent u jagħtu gwida lill-pazjenti biex ikollhom aċċess għas-servizzi kollha disponibbli bħalissa fil-komunità tagħhom. 

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar ukoll kif l-istess grupp ta’ tobba u infermiera qiegħed iċempel b’mod regolari lil dawk il-persuni li għandhom il-Covid-19 sabiex tkun osservata l-qagħda tagħhom waqt li jkunu qegħdin fi kwarantina fi djarhom.

More in Politika