Il-BA tfakkar li ġurnalist għandu dritt jistaqsi mistoqsijiet skomdi waqt li ma tilqax l-ilment tal-PN

L-Awtorità tax-Xandir ma tilqax ilment li sar mill-Partit Nazzjonalista, kontra proagramm immexxi minn Glen Falzon

Il-Kap tal-PN waqt il-programm Insights
Il-Kap tal-PN waqt il-programm Insights

L-Awtorità tax-Xandir (BA) ma laqgħetx it-talba tal-Partit Nazzjonalista kontra l-programm Insights immexxi minn Glen Falzon, wara li dan kien ilmenta illi l-Kap tal-PN Bernard Grech sarulu mistoqsijiet li kienu ħafna iktar ħorox minn dak li saru lill-Prim Ministru ġimgħa qabel.  Grech kien saħansitra ilmenta anke waqt il-programm diversi drabi li l-mistoqsijiet li kienu qed isirulu ma kinux denji tax-xandir nazzjonali. 

L-Awtorità iżda fakkret li ġurnalist għandu dritt jistaqsi mistoqsijiet li jagħmlu lill-politiku skomdu u mistoqsijiet li jitrattaw temi kurrenti. Fakkret illi l-mistoqsijiet u t-trattament ta' ġurnalist minn programm għall-ieħor se jagħmel differenza għax se jiddependi mill-iżviluppi li jkunu qed iseħu fil-pajjiż. 

Il-BA fakkret li filwaqt li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni ingħataw l-istess ammont ta' ħin, mhuwiex xogħolha li tiddeċiedi hi x'tip ta' mistoqsijiet jistaqsi ġurnalist, sakemm dawn isiru b'rispett u b'mod ġust lejn il-persuna li qed tiġi intervistata.   

Għalhekk l-Awtorità ma laqgħetx it-talba.

More in Politika