Lorraine Falzon u Matthew Pace minn Zenith Finance jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Apparti minn hekk, wara li semgħet ix-xhieda, il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ persuni jitpoġġew taħt att ta' akkuża

Matthew Pace u Lorraine Falzon mill-kumpanija Zenith ingħataw il-ħelsien mill-arrest dalgħodu wara li nhar is-Sibt li għadda tressqu l-Qorti flimkien ma' ħdax-il persuna oħra, fosthom Keith Schembri u nżammu arrestati fil-ħabs ta' Kordin.

Dalgħodu, il-Qorti ddeċidiet dwar talba ġdida li saret għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.

Il-kumpanija Zenith Finance, li kienet magħrufa qabel bħala MFSP, kienet deskritta mill-prosekuzzjoni lbieraħ waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, bħala "professjonista" fil-ħasil tal-flus.

Pace kien jimmaniġja l-kontijiet ta' investiment li kellu Schembri mal-istess kumpanija u anke ta' Adrian Hillman u Vince Buhagiar, żewġ eks diretturi maniġerjali tal-Allied Group, il-pubblikaturi ta' Times of Malta

Fid-dawl tal-fatt li Pace u Falzon ikkoperaw mal-Pulizija u anke għax il-kondotta tagħhom hija nadifa, huma ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Pace u Falzon kienu ordnati jiddepożita d-dokumenti tal-ivjaġġar tagħhom fil-Qorti u anke jridu jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Pulizija.

Huma ordnati jsegwu curfew u jibqgħu joqgħodu fir-residenza li għandhom imniżżla fid-dokumenti. 

Ġew imwissija biex ma jmorrux l-ajruport u biex iżommu 10 metri 'l bogħod mill-kosta.

Pace kien ordnat iħallas depożitu ta' €40,000 u garanzija personali ta' €60,000.

Falzon kienet ordnata tħallas depożitu ta' €25,000 u garanzija personali ta' €50,000.

Apparti minn hekk, wara li semgħet ix-xhieda, il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ persuni jitpoġġew taħt att ta' akkuża. 

Il-każ kontrihom ikompli fis-27 ta' April.

Aqra wkoll:

More in Politika