Ftehim bejn Caritas Malta u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma biex jgħin l-aktar familji vulnerabbli

Memorandum of Understanding iffirmat bejn Caritas Malta u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se jkun qed jgħin familji vulnerabbli, b’investiment inizjali ta’ €400,000

Il-Ministru Dalli, Sapiano u Gatt waqt l-intervista
Il-Ministru Dalli, Sapiano u Gatt waqt l-intervista

Memorandum of Understanding iffirmat bejn Caritas Malta u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se jkun qed jgħin familji vulnerabbli, b’investiment inizjali ta’ €400,000. Fuq inizjattiva tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, iż-żewġ naħat ingħaqdu biex jaraw kif flimkien jistgħu jassistu lill-familji l-aktar fil-bżonn. Dan wara li l-Caritas ippubblikat l-istudju tagħha dwar ‘A Minimum Essential Budget for a Decent Living 2020’.

L-għajnuna li se tingħata lil għexieren ta’ familji identifikati minn Caritas Malta se tgħinhom inaqqsu l-konsum tal-ilma, jingħataw pariri kif jiffrankaw l-ilma u fejn hu meħtieġ, u jiġu mgħejjuna jbiddlu apparat difettuż, inkluż pajpijiet tal-ilma u appliances. L-għajnuna titla’ sa massimu ta’ €5,000 għal kull familja. “Hija r-responsabilità tagħna li nisimgħu dak li jgħidulna organizzazzjonijiet bħal Caritas u li naġixxu fuqhom. Żvilupp sostenibbli jfisser numru ta’ affarijiet, inkluż li f’pajjiżna nassiguraw użu effiċjenti tal-enerġija u l-ilma, fis-setturi kollha inkluż f’dak domestiku. L-effiċjenza tfisser ukoll anqas spejjeż għall-familji tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Minkejja li s-suq qed jagħmel avvanzi f’teknoloġiji ġodda li jgħinu fl-effiċjenza u għalhekk jiġu kkunsmati anqas enerġija u ilma, jibqa’ r-riskju li minħabba l-ispiża ta’ dawn it-teknoloġiji, jaqgħu lura dawk li l-inqas jifilħu jħallsu. “Għalhekk huwa importanti li naraw li ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja lejn użu aktar sostenibbli tar-riżorsi. Dan hu propju l-iskop ta’ dan il-ftehim bejn l-Aġenzija u l-Caritas. Li naħdmu aktar qrib xulxin biex nidentifikaw l-għajnuna li hemm bżonn u li tagħmel differenza reali f’ħajjet in-nies,” qalet il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano spjega kif minbarra l-interventi li se jsiru fir-residenzi ta’ dawn il-familji biex jonqos il-konsum, se jkun qed isir monitoraġġ u ġbir ta’ data biex jiġi kwantifikat l-effett ta’ dawn il-miżuri.

IOl-Kap Eżekuttiv. Anthony Gatt, Direttur u Chairperson tal-Fondazzjoni Caritas Malta, qal li Caritas qed tirrikonoxxi l-impenn tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jitqajjem għarfien pubbliku dwar l-użu sostenibbli u l-ħarsien tal-ilma. “Napprezzaw ukoll l-inizjattiva tal-Ministru Dalli biex tpoġġi fil-prattika rakkomandazzjonijiet indikati fl-Istudju ‘A Minimum Essential Budget for a Decent Living 2020’, li Caritas Malta għadha kif ippubblikat,” qal Gatt. 

Caritas Malta ddeskriviet din l-inizjattiva bħala “Pass eqreb lejn dawk il-familji u individwi li qegħdin fil-periferija u li tant huma għal qalb Caritas Malta”

More in Politika