Grech jgħid li 'serqu l-miljuni' u Abela jfakkru li 'l-kaxxa fawwarniha bil-flus li qassamna lill-poplu'

Il-Prim Minstru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f'sessjoni mqanqla u storbjuża li għalqet id-dibattiti dwar l-estimi tal-Baġit

Illejla fil-Parlament fl-għeluq tad-diskussjoni dwar l-estimi tal-Baġit 2021 għalqu d-dibattitu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech l-ewwel u l-Prim Ministru Robert Abela wara. 

'Il-poplu mweġġa' u jrid pajjiż normali' - Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda l-ewwel billi sostna li huwa mweġġa' bl-allegazzonijiet li qed isiru, kif inhu - skont hu - imweġġa' l-poplu li jrid pajjiż normali.  "Din hija kriżi bla preċedent - Konna nafu li l-Gvern Laburista huwa mċappas, imma meta qrajna l-akkużi fil-ġranet li għaddew xorta ixxukkjajna rużna." 

Huwa kien qed jirreferi għall-akkużi fil-konfront ta' diversi nies, fosthom Keith Schembri, persuni minn Nexia BT u anke Diretturi tal-Allied Newspapers, kif ukoll allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Ministru Chris Cardona.  Ilbieraħ Alfred Degiorgio - li qed jitlob għal Maħfra Presidenzjali - qal li xi ħadd li "kien Ministru" huwa l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li eks Ministru, flimkien ma' Ministru preżenti kienu mdaħħlin fl-attentat ta' serqa tal-HSBC fl-2010 li spiċċat bi sparaturi u persuna midruba - xi ħaġa li qal ukoll Vince Muscat. magħruf bħala l-Koħħu, fix-xhieda tiegħu.  

Grech għamel referenza għal Schembri - li bħalissa mal-akkużati kollha għajr wieħed jinsab fil-Ħabs ta' Kordin - u minkejja li jfakkar li sa issa dan huwa innoċenti sakemm tieħu l-kors tagħha l-ġustizzja, "ifisser ukoll li potenzjalment - waqt li aħna konna għaddejjin b'ħajjitna b'mod normali - dawn kellhom il-futur tal-pajjiż u ta' uliedek f'idejhom.  Kellhom ir-reputazzjoni tal-pajjiż f'idejhom. U x'għamlulha?  Kissruha.  Umiljawna mad-dinja kollha," sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Wegħdu futur sabiħ u serqu mhux biss miljuni imma serqu ruħ il-pajjiż Bernard Grech

Huwa qal li hemm bżonn li l-pajjiż jittieħed minn idejn "dawn il-kriminali" u saħaq illi minkejja li Joseph Muscat u Robert Abela wegħdu ħolma, "huma tawna inkubu.  Wegħdu futur sabiħ u serqu mhux biss miljuni imma serqu ruħ il-pajjiż," sostna Bernard Grech. 

Huwa qal li dan huwa l-mument tal-prova għall-Maltin u l-Għawdxin u appella lill-President tar-Repubblika biex ikun hu li jaqla' lill-pajjiż biex joħroġ lil Malta - minn dak li jerġa jsejjaħ inkubu.  Huwa appella wkoll lill-votanti Laburisti "li huma kollha ġenwini" u jgħidilhom jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu.

'Intom ħsiebkhom biss f'lil min se titfgħu l-ħabs ... abdikajtu milli titkellmu fuq dak li vera jagħmel differenza lin-nies' - Il-Prim Ministru Robert Abela

Intant il-Prim Ministru irrisponda lil Grech billi qal illi l-PN jiġi jaqa' u jqum mill-pajjiż tant li  - skont hu f'daqqa waħda - dan ma baqax jitkellem dwar il-Covid-19.  "Intom ħsiebkhom biss fuq lil min se titfgħu l-ħabs.  Intom abdikajtu milli titkellmu fuq dak li vera jagħmel differenza lin-nies, ma għidtux kelma dwar kif se ttejbu l-ħajja ta' dan il-pajjiż u jekk qatt kien hemm bżonn prova li intom l-aqwa Oppożizzjoni imma l-agħar Gvern, kienu dawn it-tliet ijiem," sostna Abela. 

Id-dibattitu fil-Parlament ilu għaddej dawn l-aħħar tliet ijiem. 

Intom ħsiebkhom biss fuq lil min se titfgħu l-ħabs. Intom abdikajtu milli titkellmu fuq dak li vera jagħmel differenza lin-nies, ma għidtux kelma dwar kif se ttejbu l-ħajja ta' dan il-pajjiż Robert Abela

Huwa qal li meta fil-pajjiż kien hawn Gvern Nazzjonalista u kien hawn kriżi, dan naqqas l-ispiża tal-Gvern u naqqas mill-investiment.  Ifakkar li dakinhar żdied il-qgħad, il-poplu kellu inqas flus fil-but u l-faqar żdied.  "Taf x'għamiltu intom?  Investejtu fikhom infuskhom (biż-żieda fil-paga tal-Kabinett Nazzjonalista)." 

Huwa qal li minn pajjiż fejn il-ġid nazzjonali kien mistenni jdum ġenerazzjoni biex jilħaq il-medja tal-UE, dan il-Gvern ġab lill-pajjiżna għal fost l-aqwa ekonomiji fl-UE.  "Aħna Gvern tal-opportunitajiet u l-ġustizzja soċjali," saħaq Abela li fakkar illi meta waslet il-pandemija l-Gvern ta lura lill-poplu fl-aktar mument tal-bżonn. 

Il-PM Abela fakkar li l-Gvern kellu l-għaqal li jġib tipi differenti tal-vaċċin, ta appoġġ lil kull negozju fil-pajjiż "u fuq kollox ma ħallejniex liż-żgħir waħdu.  Ara ħaddieħor, li tinvesti fin-negozju, għalih dan huwa tberbiq ta' flus," saħaq il-Prim Ministru.  Huwa appella lin-nies biex iħarsu madwarhom u jaraw x'inhu jiġri fir-rigward tal-Covid-19 f'pajjiżi Ewropej oħrajn. 

"Gvern korrott u meta dorna għall-kaxxa ta' Malta sibniha mfawwra u qassamna l-flus lin-nies, fl-aktar mument tal-bżonn.  Gvern li għamel baġit wara ieħor bla taxxi.  Gvern korrott li żied iċ-Childrens Allowance, naqqasna  t-taxxa tal-proprjetà, tajna l-vouchers, investejna fis-saħħa, fil-housing, tajna l-Wage Supplement, għinna lil tal-bars, tar-ristorants u tal-każini." 

'Intom ħlistu traffikant tad-droga ... intom tirrispettaw l-istituzzjonijiet?'

Dwar il-Governanza huwa reġa' fakkar li qabel il-Prim Ministru kien imur jiltaqa' ma' Żeppi l-Ħafi - li jfakkar li kellu reati ta' drogi u serq, fost oħrajn.  "Intom titkellmu fuq ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet? Intom ħlistu traffikant tad-droga li l-Qorti tagħna weħħlitu 25 sena ħabs!" qal f'referenza għall-każ tat-traffikant Brażiljan Quieroz, li inħeles mill-ħabs b'intervent ta' Gvern Nazzjonalista fid-90ijiet. 

Abela kkritika kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar maħfra lill-mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  "U tistgħu tikkonfoffaw kemm tridu għax m'intomx se twaqffuna milli nkomplu fit-triq tas-sewwa," qal Abela li fakkar lil Grech illi l-evażjoni tat-taxxa hija reat kriminali. 

"Nistħu iva nsemmu lil Simon Busuttil, għax qed tikkonfoffaw bħalissa biex tagħmlu ħsara lil pajjiżna f'xahar illi fih qed ixxommu r-rapport tal-moneyval ħiereġ," qa il-Prim Ministru Robert Abela.  

 

More in Politika