Il-Ministru għal Għawdex jgħid li l-proċess taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv miexi kif skedat

Il-Ministru saħaq li x-xogħol matul il-pandemija mhux talli ma waqafx talli intensifika

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat, Għawdex, li se jkun qed jidħol fil-fażi li jmiss fi-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett ta’ €9 miljun li ilu tant mistenni mill-Għawdxin u minn kull min għandu għal qalbu l-isports.

Fil-fatt sostna li matul il-pandemija x-xogħol mhux talli ma waqafx iżda intensifika u l-proġett mistenni jidħol f’fażi oħra fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-perit tal-proġett Godwin Sultana spjega kif ix-xogħlijiet ta’ skavar tlestew flimkien max-xogħlijiet tal-istruttura eżistenti u l-ħitan ta’ barra u bħalissa għaddej il-waterproofing tal-ħitan li mistenni jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa kompla jgħid li x-xogħlijiet fuq iċ-ċangatura tal-art fiż-żona tal-ġinnastika, taħt il-pixxina, u l-kmamar mekkaniċi għaddejjin b’ritmu tajjeb u jinsabu wkoll fl-aħħar fażijiet.

Se jingħata bidu għall-pedamenti li fadal isiru taħt is-sala l-qadima tal-isports li jeħtieġu biss skavar, u xogħol tal-konkrit, imbagħad wara jsiru x-xogħlijiet ta’ waterproofing u ċangatura tal-art fl-iktar livelli fondi tal-proġett. 

Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li mhux biss Għawdex se jkollu pixxina nazzjonali ġdida u fil-magħluq imma dan il-proġett ser ikun wieħed ħolistiku għax ser ikun qed jakkomoda aktar faċilitajiet sportivi taħt saqaf wieħed. 

Aqra aktar: 

‘Ix-xogħlijiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex huma parti mit-tender għall-bini tal-pixxina’

More in Politika