Għat-tielet jum l-attivisti jimblokkaw il-gafef biex jieqfu x-xogħlijiet fuq triq kontroversjali f'Ħad-Dingli

Dan minkejja li lbieraħ il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli, b'mod unanimu, ivvota favur dawn ix-xogħlijiet

Attivisti tal-Moviment Graffitti dalgħodu komplew bil-protesta tagħhom wara li għat-tieni lejl raqdu fl-għelieqi li minnhom Infrastructure Malta trid tgħaddi trid.

Dan l-għada li l-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli, b'mod unanimu, ivvota favur dawn ix-xogħlijiet, bil-Ministru Ian Borg itella' fuq Facebook tiegħu l-filmat ta' din il-laqgħa.

Kmieni dalgħodu, l-attivisti mblokkaw sqaq ieħor minfejn il-ħaddiema pprovaw jidħlu bil-gaffa biex ikomplu x-xogħlijet.

Oriġinarjament, dawn ix-xogħlijiet bdew is-sena li għaddiet iżda twaqqfu f'Ottubru meta pprotestaw ir-residenti u l-attivisti.

Ir-residenti qed jisħqu li Infrastructure Malta qed tgħidilhom li x-xogħlijiet huma neċessarji biex tgħaddi vettura tat-tifi tan-nar, iżda huma qed jinsistu li din tgħaddi bit-triq kif inhi bħalissa u li l-uniku raġuni hija biex ikun jista' jitla' aktar bini.

Il-ġimgħa li għaddiet ukoll, it-Tribunal għall-Appell u l-Ippjanaw waqqa' l-appell li kien infetaħ kontra dan il-permess. Ikkonfermat ukoll id-deċiżjoni biex jinqalgħu s-siġar antiki li hemm waqt li saħqet li l-aġenzija se tkun qed tħawwel 30 siġra oħra.

Ix-xogħlijiet qed isiru bejn Triq id-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco, bir-residenti jisħqu li hemm fdalijiet, x'aktarx ta' kappella medjevali, li jista' jsirilhom il-ħsara.

Il-Ħad-Dingli Local Council ilbieraħ filgħaxija b’mod unanimu, Laburisti u Nazzjonalisti, DINGLIN, jaqblu max-xogħlijiet...

Posted by Ian Borg on Tuesday, 23 March 2021

More in Politika