'Il-Prim Ministru għandu d-dmir li mill-iktar fis jagħti spjegazzjoni lin-nazzjon' - Bernard Grech

Grech qal dan wara l-aħħar aħbarijiet li ħarġu llum fejn l-aħwa Degiorgio qed jitolbu l-maħfra presidenzjali u qed jakkuża ministru attwali u eks ministru laburista f'assassinju u serqa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu minnufih jispjega lin-nazzjon dak li għaddej u dak li għamel hu fil-ġranet li li għaddew meta sar jaf bl-aħħar allegazzjonijiet li qed joħoġru.

F'messaġġ fuq Facebook, il-Kap Nazzjonalista saħaq li kull ġurnata li tgħaddi qed joħorġu  aħbarijiet li qed ikomplu jitfgħu dell fuq il-Gvern Laburista u jixxukkjaw lil kulħadd.

"Huwa bla preċedent li għandna akkużi daqsekk serji fuq tal-anqas ministru attwali fil-Kabinett ta’ Robert Abela u tal-anqas eks ministru. Dawn qed jiġu implikati b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u f’attentat ta’ serq serju," saħaq Grech b'reazzjoni għall-fatt li fl-aħħar ħin l-aħwa Degiorgio wkoll qed jitolbu l-maħfra presidenzjali.

Insista li din hija prova oħra li l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu u qal li l-Prim Ministru jrid jispjega kif se jassigura li f’każ daqsekk serju ser ikollna istituzzjonijet li qed jaħdmu. 

"Dawn l-allegazzjonijiet qed ikomplu jagħmlu ħsara rreperabbli lill-kredibilità u r-reputazzjoni ta’ pajjżna u l-Prim Ministru għandu dmir li jkun trasparenti mal-poplu," insista Grech. "Aħna nesiġu li ssir ġustizzja ma’ kull min kien involut f’reati kriminali, hu min hu."

Temm jisħaq li l-pajjiż jixraqlu aħjar, saħaq Grech waqt li fakkar fl-arrest ta' Keith Schembri, fost oħrajn.

"Dan huwa episodju ieħor li jikkonferma kemm pajjiżna għandu bżonn minnufih idawwar paġna ġdida u jagħlaq darba għal dejjem kapitlu iswed ħafna fl-istorja tiegħu," insista Grech.

Aqra aktar:

More in Politika