Il-familja ta' Caruana Galizia ma taqbilx li l-aħwa Degiorgio jingħataw il-maħfra presidenzjali

Insistew li l-maħfra presidenzjali ma għandha qatt tintuża biex kriminali jixtru triqithom lilhinn mill-ġustizzja

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia, fi stqarrija, qalet li ma taqbilx li l-persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista jingħataw il-maħfra presidenzjali.

Huma qalu dan wara li l-aħwa Degiorgio qed jitolbu l-maħfra presidenzjali, b'Alfred Degiorgio saħansitra jgħid li l-mandant tal-qtil tagħha "kien Ministru."

"Il-ġustizzja sħiħa tista' ssir jekk il-qattiela ta' Daphne jirċievu l-piena kollha għat-reat li wettqu - il-qtil ta' omm minn kriminali li kienu lesti jisplodu wkoll lill-familja tagħha biex jassiguraw li nqatlet," qalet il-familja.

Propju għalhekk li qalu li l-maħfra presidenzjali ma għandha qatt tintuża biex kriminali jixtru triqithom lilhinn mill-ġustizzja.

Temmew jgħidu li r-reati għandhom ikunu solvuti u l-kriminali jiffaċċjaw il-ġustizzja, iżda mhux b'kapriċċ tal-ġustizzja li għandha ssir ma' Daphne Caruana Galizia.

More in Politika