Carmel Cacopardo b'rapport lill-awtoritajiet fuq barriera ħdejn Ħaġar Qim u l-Imnajdra

Din il-barriera li hi operata mit-Tum Invest Limited qegħda ħdejn it-tempji meglitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, fil-limiti tal-Qrendi

Ic-Chairperson ta’ ADPD, Carmel Cacopardo, issottometta rapport dwar barriera li skont hu "qed isservi bħala post fejn jinġabar l-iskart tal-kostruzzjoni." F'dan ir-rapport Cacopardo insista li din il-barriera operata mit-Tum Invest Limited "qed topera bla permess wara li dan skada erba' xhur ilu."

Il-barriera li qegħda ħdejn it-tempji meglitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, fil-limiti tal-Qrendi ingħatat il-permess li topera lura f'Novembru tal-2019 għal perjodu ta' sena. Intant ir-rapport jemfasizza ukoll li aparti li l-barriera qed topera bla permess, "issa espandiet lilhinn mil-limiti permissibli kemm b’mod orizzontali kif ukoll fil-għoli."

Hu insista li "dan hu ta' theddida għall-integrità estetika tat-tempji megalitiċi li qegħdin fil-viċin. Nittamaw li l-awtoritajiet jaġixxu bla dewmien u ma jibqgħux b’għajnejhom magħluqa." Ir-rapport flimkien ma' ritratti u kopja tal-permess intbagħtu lill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u lis-Sopratendenza tal-Wirt Kulturali.

More in Politika