Repubblika tgħid li 'minflok fuq l-istudenti, berbqet flus il-poplu fuq il-ħabib tagħha'

L-għaqda Repubblika tistaqsi lil PM Robert Abela x'se jagħmel fuq il-Ministru Justyne Caruana

Fi stqarrija Reppubblika esprimiet id-diżappunt tagħha għal dak li skont hi huwa "imġieba diżgustanti u inaċċettabli" mill-Ministru Justyne Caruana. L-għaqda kienet qed tirreferi għar-rapporti li juru kif ħabib tal-Ministru tal-Edukazzjoni, ingħata kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar.

L-għaqda saħqet li minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’Malta, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, "waqqaf il-pagamenti għall-boroż ta’ studju ta’ bosta studenti, waqqaf ukoll pagamenti ta’ proġetti edukattivi fl-iskejjel u ħalla lill-għalliema b’laptops qodma u skaduti biex jgħallmu t-tfal online waqt li l-iskejjel huma magħluqa."

Skont Repubblika dan sar fl-istess waqt li, "il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, sabet il-flus biex toħroġ direct order ta’ €5,000 fix-xahar lill-ħabib viċin tagħha." L-istqarrija insistiet ukoll li dan il-footballer, "li m’għandu ebda kwalifiċi fis-settur tal-edukazzjoni," ġie mqabbad biex fost oħrajn idur l-iskejjel f’perjodu fejn l-iskejjel huma magħluqa minħabba l-COVID-19.

L-għaqda temmet tgħid li, "fi żmien fejn kull ċenteżmu għandu jmur biex itaffi l-impatt li l-istudenti qed isofru minħabba l-miżuri tal-COVID-19, il-Ministru tmur tberbaq flus il-poplu fuq il-ħabib tagħha." Hi temmet l-istqarrija billi staqsiet lill-Prim Ministru Robert Abela x'se jagħmel fuq il-Ministru Justyne Caruana. 

More in Politika