Wara l-protesta f'Ħad Dingli l-Ministru Borg ifakkar li f'sentejn u nofs tħawwlu 50,000 siġra

Il-Ministru Ian Borg jgħid fl-ewwel kwart tal-2021 l-aġenzija Infrasdtructure Malta ħawwlet 10,000 siġra

Il-Ministru Ian Borg iħawwel siġra
Il-Ministru Ian Borg iħawwel siġra

Waqt żjara f’Tas-Salib fir-Rabat, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li f’sentejn u nofs Infrastructure Malta ħawwlet aktar minn 50,000 siġra madwar pajjiżna.

Il-Ministru Borg qal illi fl-ewwel kwart tas-sena 2021, l-aġenzija ħawwlet mal-10,000 siġra – li diġà jqarreb sew it-total ta’ 11,000 siġra ġdida li l-aġenzija ħawwlet fl-2020 – fi 93 post differenti f’36 lokalità madwar Malta. Dan ifisser li matul is-sena l-oħra Infrastructure Malta ħawwlet medja ta’ 30 siġra ġdida kuljum. 

Il-Ministru Borg bħalissa jinsab fl-għajn tal-kritika - mill-ġdid -  minn ambjentalisti u attivisti tal-Moviment Graffitti wara tneħħija ta' siġar tal-ħarrub f'Ħad Dingli, bi protesta ssir ilbieraħ illi matulha attivisti qagħdu quddiem il-gafef biex ma jsirx l-iżvilupp ta' triq li, skont il-Graffitti qed issir għalxejn jew inkella biex tiffaċilità aktar żvilupp. 

“Ninsabu kommessi li nwettqu dak li konna wegħidna bħala parti minn inizjattiva għall-ambjent aħjar fis-sajf tal-2019. Fil-fatt, fil-ġnub ta’ din it-triq rurali, Infrastructure Malta, b’investiment ta’ madwar €50,000 li jinkludu wkoll it-tqegħid ta’ ħamrija f’partijiet li qabel kienu biż-żrar, qed tħawwel 220 siġra taċ-ċipress li diġà huma mkabbrin," qal Borg fir-Rabat. 

Fi stqarrija Infrastructure Malta qed tgħid li bl-ammont ta’ siġar li se tkun ħawwlet sa tmiem dan ix-xahar, minn meta nediet il-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar s’issa, l-aġenzija se tkun żiedet mat-30,000 siġra fil-ġnub tat-toroq u f’siti oħrajn urbani u rurali f’Malta. Barra minn hekk, madwar dawn is-siġar tħawlu wkoll mal-20,000 arbuxell, li wħud minnhom jistgħu eventwalment anke jiġu kkurati biex jikbru f’siġar.

 

More in Politika