'Bomba aktar faċli. Kemm tagħfas buttuna fuq mowbajl'; Il-Koħħu jkompli jixhed

Itenni li skont dak li qallu Alfred Degiorgio, kien Chris Cardona li infurmah dwar id-data tal-arrest tagħhom

Il-Koħħu dalgħodu xehed kontra Adrian u Robert Agius, Tal-Maksar, u sħabhom Jamie Vella u George Degiorgio akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

Vince Muscat qal li biddlu l-pjan tagħhom biex joqtlu lil Daphne b’bomba, minflok b’rifle AK47, għax kien aktar faċli.

“Bomba aktar faċli. Tagħfas buttuna fuq mowbajl,” insista.

Fix-xhieda tal-lum, Muscat iffoka fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia u ta d-dettalji ta’ dak li seħħ jew inkella dak li qalulu George u Alfred Degiorgio.

Mistoqsi dwar il-motiv wara l-assassinju, Muscat qal li Alfred Degiorgio dejjem qallu li se joqtluha minħabba “xi ħaġa li kellha tikteb.”

Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara li ammetta li kien parti mill-assassinju. 

Fix-xhieda tiegħu llum qal ukoll li kien Alfred Degiorgio li qallu li Robert Agius u Jamie Vella pprovdew il-bomba.

“Kellhom ħafna ħbieb Taljani,” qal Muscat.

Xehed li t-tnejn li huma kienu sikwit imorru fit-tinda tal-patata fil-Marsa fejn kienu jkunu l-aħwa Degiorgio u hu stess u fejn saħansitra ġew arrestati.

Tenna li kienu ilhom jafu li kellhom jiġu arrestati fl-4 ta’ Diċembru tal-2017.

Qal li Alfred Degiorgio kien qallu li kien il-Ministru (dak iż-żmien) Chris Cardona u nies viċin tiegħu, li kienu infurmawh bid-data. Qal li din l-informazzjoni kienet tingħata minn uffiċjal tal-Pulizija lil avukat (li ma jistax jissemma) u li kien imbagħad jgħid lil Cardona.

Muscat tkellem ukoll dwar l-Avukat David Gatt, li kien jaħdem ma’ Cardona u li kien iżurhom fit-tinda tal-patata. Qal li kien jagħmel b’ħalqu l-ħoss tal-bomba, kemm qabel u anke wara li qatlu lil Daphne.

Qal li l-aħwa Degiorgio kienu qalulu wkoll li Gatt kien iġib l-informazzjoni dwar l-arrest tagħhom mingħand Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta' Kastilja. 

More in Politika