'Il-Baġit irrelevanti;' Id-Deputati Nazzjonalisti jitkellmu biss fuq l-arrest ta' Schembri u l-aħħar żviluppi

Hekk kif il-Parlament kompla jiddiskuti l-Baġit, id-Deputati tal-Oppożizzjoni rreferew għal diskors storiku li kien għamel Eddie Fenech Adami u insistew li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, id-dibattitu dwar il-Baġit huwa rrelevanti

Hekk kif il-Parlament kompla jiddiskuti l-Abbozz għall-Implimentazzjoni tal-Baġit, id-Deputati tal-Oppożizzjoni tkellmu biss fuq l-arrest ta' Keith Schembri u l-aħħar żviluppi li seħħew nhar is-Sibt li għadda.

Huma rreferew għal diskors storiku li kien għamel Eddie Fenech Adami fl-1986, ftit jiem biss wara l-qtil ta' Raymond Caruana u insistew li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, id-dibattitu dwar il-Baġit huwa rrelevanti.

Fil-fatt, id-deċiżjoni dwar dan ittieħdet ilbieraħ waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista msejjaħ b'urġenza u għalhekk illum id-Deputati kollha Nazzjonalisti qed jitkellmu dwar l-aħħar żviluppi.

Id-Deputati kollha tal-Gvern, għajr  Ian Castaldi Paris, injoraw dak li qalu d-Deputati tal-Oppożizzjoni.

Fost oħrajn, dalgħodu tkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami li rrikonoxxa li dak li seħħ nhar is-Sibt li għadda kien pass "żgħir lejn il-ġustizzja," waqt li fakkar li dan kollu seħħ minħabba żewġ inkjesti li talab l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. 

Tkellem fuq kif Busuttil kien imwaqqa' għaċ-ċajt meta tela' l-Qorti bil-provi iżda saħaq li l-verità dejjem tirbaħ.

Huwa kkritika wkoll lill-Partit Laburista li, fi kliemu, sal-aħħar baqa' jiddefendi lil Keith Schembri.

Qal li d-Deputati tal-Gvern kienu kollha parti mill-Gvern ta' Joseph Muscat u li għażlu lil Robert Abela li jirrapreżenta l-kontinwità ta' Muscat.

"Ma tistgħux tgħidu li intom ma għandkomx x'taqsmu," insista.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mario Galea indirizza "lil-Laburisti ġenwini" u anke faħħar lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li fl-2013 ma ddejjaqx jitkellem fuq dak li fi kliemu, kien iseħħ "fir-raba' sular" tal-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista.

Qal li hu jemmen li l-maġġoranza tad-Deputati Laburisti huma onesti u saħansitra wera "simpatija" ma' dawk arrestati nhar is-Sibt, għax fi kliemu, kienu taħt l-impressjoni li jistgħu jagħmlu li jridu għax mhux se jinqabdu.

"Imma kif jista' jkun li Muscat qatt ma xamm xejn?", staqsa d-Deputat.

Saħaq ukoll illi li kieku l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, ma kienx ikun hemm bżonn lil Simon Busuttil biex jitlob investigazzjoni dwar dan kollu.

Tal-istess fehma kien id-Deputat Edwin Vassallo li appella wkoll lill-Prim Ministru biex jistaqsi lid-Deputati tiegħu, wieħed wieħed, jekk humiex huma li semmew minn Vincent Muscat 'il-Koħħu."

Hermann Schiavone
Hermann Schiavone

Hermann Schiavone, min-naħa tiegħu, tkellem dwar dawk li vvotaw lill-Partit Laburista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet u insista li dawn ma għandhomx iħossuhom ħatja għax ivvutaw għall-bidla.

Qal li għamlu dan għax kienu mweġġa' minn Gvern Nazzjonalista u ġenwinament emmnu fil-wiegħda ta' Muscat ta' "Malta Tagħna Lkoll"

Insista li l-uniku "road map" li kellu l-Partit Laburista kienet dik ta' "klikka kriminali' li ħatfet lill-Partit Laburista biex tagħmel il-flus.

Ian Castaldi Paris
Ian Castaldi Paris

L-uniku Deputat Laburista li indirizza l-punti li qajmu d-Deputati tal-Oppożizzjoni kien Ian Castaldi Paris li saħaq li l-pajjiż irid jassigura li ssir ġustizzja sħiħa anke ma' Caruana Galizia.

Appella wkoll lil kulħadd biex jirrikonoxxi l-fatt, li fi kliemu, il-pajjiż għandu Prim Ministru li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji.

More in Politika