'Jekk għaddew flus mingħand Keith Schembri dan sar minn wara dahar il-Grupp' - Allied Newspapers

Il-gazzetta ILLUM żvelat ilbieraħ kif diretturi tal-Allied Newspapers qed ikunu akkużati li ffrodaw lil Malta Enterprise għal €750,000

Il-Grupp Allied Newspapers qal li qatt ma rċieva flus mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, jew inkella mingħand xi kumpaniji tiegħu. Ċaħad li qatt kellu kontijiet fil-British Virgin Islands.

Madanakollu, il-kumpanija qalet li jekk kien hemm xi flus li għaddew mingħand Keith Schembri għal għand 'tnejn mill-eks diretturi maniġerjali tagħha," dan sar minn wara dahar il-Grupp u l-bord tad-diretturi.

Allied Newspapers kienet qed tirreaġixxi wara li l-gazzetta ILLUM żvelat kif eks diretturi tal-Grupp qed ikunu akkużati li bi frodi li jlaħħaq xejn inqas minn madwar €750,000 meta dawn xtraw stamperija fl-Imrieħel, mingħand l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u ħadu €1.7 miljun bħala "investment aid," mill-Malta Enterprise.

Kien żvelat illi fuq medda ta' snin l-Allied Newspapers ħadu madwar €690,000 mingħand Schembri, snin qabel ma' dan kien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li dawn il-flus allegatament tpoġġew f'kont fil-British Virgin Islands. 

L-ILLUM żvelat ukoll li l-inkjesta talbet lill-Pulizija biex ikun investigat Michael Rizzo, Direttur Maniġerjali kurrenti tal-kumpanija.

Dwar l-applikazzjoni għall-"investment aid" il-kumpanija qalet li ma taf bl-ebda irregolaritajiet u li l-applikazzjonijiet u l-kuntratti kienu dejjem ivvetjati u kkonfermati eliġibbli.

"Il-Grupp itenni li kien ixxokjat b'dak li ġie żvelat is-Sibt li għadda," tkompli l-istqarrija filwaqt li saħqet li qed tħares 'il quddiem biex issir ġustizzja.  

L-Grupp qal li se jkompli jikkopera mal-Pulizija kif għamel anke fl-Inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Josette Demicoli.

Nhar is-Sibt li għadda, tressaq il-Qorti Vincent Buhagiar, eks direttur tal-Allied Newspapers. Hu kien l-uniku wieħed li ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li għaxar persuni nżammu arrestati, inkluż l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Adrian Hillman, eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers u li dwaru saru allegazzjonijiet li rċieva tixħim mingħand Schembri, liema allegazzjonijiet kienu skattaw din l-investigazzjoni, jinsab ir-Renju Unit u l-Pulizija mistennija titlob li jkun estradit lejn Malta.

More in Politika