Il-ħajja ta' madwar 20 persuna titjieb xi ftit hekk kif il-PM Abela jħabbar mediċina ġdida b'xejn

Il-PM Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jdaħħal il-mediċina għas-Cystic Fibrosis fil-formolarju tal-Gvern

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Gvern se jibda jħallas mediċina partikolari li jeħtieġu persuni bis-Cystic Fibrosis.

Dan qalu waqt laqgħa virtwali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u Mandy Vella, li għandha din il-kundizzjoni u li sa ftit tal-jiem ilu kienet rikoverata l-isptar.  Vella kienet qalet lis-sit lokali wham.com.mt illi f'Malta hawn madwar 20 persuna li jbatu minn din il-kundizzjoni. 

Il-Prim Ministru spjega li wara diskussjonijiet mal-Ministru għas-Saħħa u dak għall-Finanzi ttieħdet id-deċiżjoni li din il-mediċina tidħol fil-formularju tal-Gvern.

Mandy Vella laqgħet din l-aħbar u rringrazzjat lill-Prim Ministru.

Cystic Fibrosis hija kundizzjoni ġenetika li biha persuna titwieled - u allura ma titteħidx -  u li tikkawża mukus fil-pulmun u fis-sistema diġestiva, li joħloq problemi fin-nifs kif ukoll iżżid infezzjonijiet fil-pulmun, li jistgħu jwasslu għall-falliment respiratorju.  Is-sintomi jinkludu infezzjonijiet fis-sider, sogħla u nuqqas ta' nifs kif ukoll piż baxx ħafna. 

 

More in Politika