BirdLife tgħid li l-ftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa hi 'sfida diretta lill-UE mill-PM'

BirdLife tgħid li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jerġa’ jiftaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa hi sfida diretta lill-UE u skont hi "se tippermetti lill-kaċċaturi jisparaw fuq tajr protett fir-rebbiegħa"

"Id-deċiżjoni li jinfetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal speċi waħda, is-Summiena, hija manuvra miskina min-naħa tal-Gvern biex jippermetti lill-kaċċaturi jisparaw fuq għasafar protetti tul ir-rebbiegħa. Il-Prim Ministru Robert Abela għal darba oħra wera bil-provi li lest jisfida lill-Unjoni Ewropea (UE) fuq il-premessa ħażina li se jirbaħ xi voti b’din id-deċiżjoni żbaljata."

Hekk sostniet l-għaqda BirdLife li fakkret li Malta qed tiffaċċja Proċeduri ta’ Ksur dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra. Fakkret ukoll li "l-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Gvern Malti li l-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa għas-Summiena (Common Quail) jaħbat fl-istess żmien tal-passa tar-rebbiegħa tal-Gamiema (European Turtle-dove) li hija speċi fil-periklu."

BirdLife Malta akkużat lil-Prim Ministru li hu ħa din id-deċiżjoni, "meta l-Gvern m’għandu l-ebda interess u rieda li jinforza l-liġijiet u lest ikompli għaddej ifissed lil-lobby tal-kaċċaturi purament għal raġunijiet elettorali."

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Malta se jkollha terġa’ tiffaċċja lill-UE dwar dan. BirdLife Malta se tibqa’ żżomm lill-UE infurmata dwar dak li qed jiġri f’Malta u se tkompli turi li l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa mhu xejn ħlief skuża biex il-kaċċaturi joħorġu jisparaw fuq kull ħaġa li ttir.” Mark Sultana fakkar li l-carnet de chasse – li jobbliga lil kull kaċċatur biex jirrapporta speċi li jiġu kkaċċjati – mhux qed jintbagħat lit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU).

Birdlife temmet tfakkar li l-aħħar ċifri juru li minn 10,675 kaċċaturi liċenzjat fl-2020 kienu biss 292, jew 2.7%, li pparteċipaw fil-carnet de chasse. “Dan qed isir bi ksur sħiħ tal-liġi u juri kif Robert Abela qed ikompli jittratta l-ħarsien tan-natura f’Malta,” spjegat l-għaqda.

More in Politika