Keith Schembri jgħid illi se jkun mixli b'rabta ma' flus lil Hillman fil-jiem li ġejjin

Keith Schembri jgħid l-Maġistrat talbet li jittieħdu passi kriminali kontra t-tmexxija tat-Times għax 'iffrodaw lill-Malta Enterprise'

Keith Schembri
Keith Schembri

F'messaġġ twil fuq Facebook l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri qal illi fiż-żmien li ġej se jkun mixli b'rabta mal-inkjesta Maġisterjali marbuta ma' flus li għaddew bejnu u Adrian Hillman, allegatament tixħim, għalkemm isostni li din hija persekuzzjoni kontrih u li hu mhu ħati ta' xejn, ħlief  - skont hu - għaliex kien parti minn team immexxi min Joseph Muscat li wassal għal sensiela ta’ rebħiet elettorali lill-Partit "li tant inħobb."

Kien l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, f'nofs kampanja elettorali, li kien żvela flus li għaddew minn Schembri għal għand Hillman, li dak iż-żmien kien imexxi l-Allied Newspapers.  Il-flus kienu allegati illi kienu tixħim ta' €650,000 minn Schembri, bħala sid tal-kumpanija Kasco, għal għand Hillman f’kont li kellu fil-British Virgin Islands.  Il-pagamenti saru bejn l-2011 u l-2015.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien allega li Schembri uża kumpanija f’Ġibiltà, jisimha Malmos, kontijiet oħra fl-Iżvizzera u f’Ġibilità u anke kontijiet fil-Bank Pilatus biex għadda flus lil Hillman.

Inkjesta maġisterjali dwar allegazzjoni ta’ tixħim li Hillman irċieva mingħand Keith Schembri, kienet konkluża fil-jiem li għaddew u għaddiet f’idejn l-Avukat Ġenerali.

Intant Schembri qal ukoll li fost id-diversi persuni li se jitressqu l-Qorti jew inkella intalab li jittieħdu passi kriminali kontrihom, hemm it-tmexxija ta' The Times li Schembri jallega illi "ffrodaw lill-Malta Enterprise."   Dwar it-Times Schembri jgħid illi l-establishment - kelma li jagħmel referenza għaliha diversi drabi - qatt ma aċċettaw li hu bena pontijiet ma' din il-kamra tal-aħbarijiet sal-punt li "t-Times of Malta, għall-ewwel darba fl-istorja, wara snin fejn ir-relazzjoni bejn iż-żewg naħat kienet ineżistenti, kienet lesta li almenu tisma' x’qed jgħid il-Partit Laburista."

L-eks Chief of Staff f'Kastilja, f'dan il-messaġġ li donnu ried jilqa' għall-akkużi li se jinġiebu kontrih, kellu kliem iebes għall-Maġistrat ukoll li kienet qed tmexxi din l-inkjesta f'dan l-allegat tixħim.  "Jidher li l-letarġija li kellha l-Maġistrat biex tlesti din l-inkjesta f’daqqa waħda inbidlet f’enerġija kbira biex tagħlaq. F’temp ta’ ftit ġimgħat il-Maġistrat għamlet dak li naqset milli tagħmel tul erba’ snin twal sħaħ. Min kien qed iżommna infurmati dwar l-andament ta’ din l-inkjesta? Il-Maġistrat jew l-impjegati tagħha? L-Avukat Ġenerali? Il-Pulizija? Le ta. Ħadd minn dawn. Kienu qed iżommuna infurmati dwar din l-inkjesta il-ġurnalisti ta’ The Shift News! U jkolli ngħid li l-informazzjoni li kienet qed tingħatalhom mhux biss kienet korretta iżda saħansitra kienet informazzjoni friska dwar x’qed jiġri f’inkjesta suppost sigrieta," saħaq Schembri. 

Hu semma' lil Miroslava Milenovic, espert tal-Qorti, u qal illi din il-mara jidher li hija "popolari ma' ċerta nies fl-establishment" u li kienet il-Viċi President ta’ Partit Politiku fis-Serbja jismu Enough is Enough.

"Mhux se nidħol fil-mertu ta’ x’iħaddan dan il-Partit. Pero' naf fiċ-ċert li l-affiljazzjonijiet politiċi ta’ Milenovic ipoġġu l-pożizzjoni tagħha bħala espert f’din l-inkjesta f’diffikultajiet kbar."

Milenovic jirriżulta li hija l-istess espert forensiku li kienet imqabbda fl-inkjesta dwar Egrant liema inkjesta ma kienet sabet ebda rabta bejn din il-kumpanija miftuħa minn Nexia BT fil-Panama iu Michelle Muscat. 

(Din l-istorja qed tkun aġġoranata)

Minn mindu irrizenjajt fl 2019 ħsibt li ser inkun nista’ nkompli ngħix hajti u ngawdi ftit minn dak kollu li iccaħħadt...

Posted by Keith Schembri on Thursday, 18 March 2021

 

More in Politika