Numru ta' NGOs jappoġġjaw il-pjanijiet tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi għall-Imriehel Bypass

Moviment Graffitti, Maya u Rota jfaħħru l-isforzi tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi biex jippreserva art agrikola u l-komunità

Il-pjanijiet alternattivi proposti mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi għaż-żona tal-Imriehel intlaqgħu tajjeb ferm mill-Moviment Graffitti, il-grupp Maya u l-għaqda Rota. Fi stqarrija, il-moviment faħħar il-pjanijiet il-ġodda li se jindirizzaw il-problema kkwotata minn Infrastructure Malta bħala s-sigurtà tat-traffiku "mingħajr ma jieħdu pulzier wieħed ta' art li tinħadem."

"Il-pjanijiet riveduti huma ta' titjib enormi fuq l-istruttura monstruża proposta minn Infrastructure Malta," qal kelliem għall-grupp. Intant Moviment Graffitti sostnew li bla ebda dubju huma favur proposta li tindirizza t-tħassib tat-traffiku mingħajr ma nagħmlu użu minn għelieqi li għadhom jiġu maħduma.

L-għaqda kompliet tgħid, "aħna nemmnu li din il-proposta ma taqtalekx qalbek, peress li se tippermetti lill-Ministru Borg ikompli jaħdem fuq in-netwerk tat-toroq mingħajr ma jeqred aktar art agrikola. Billi jaċċetta din il-proposta, il-Ministru Borg jista' jiddikjara li ffranka 14-il tomna ta’ art li tinħadem, u l-bdiewa -li għalihom ripetutament ipprofessat il-lealtà tagħhom - ma jitilfux l-art u l-prodotti li ħadu ħsiebhom għal ġenerazzjonijiet ta' żmien."

Moviment Graffitti talab ukoll lil kunsilli lokali oħra li qed jiffaċċjaw proġetti simili ta' bini u żvilupp tat-toroq biex jingħaqdu flimkien u jipproponu alternattivi li jiżguraw li l-kwistjonijiet infrastrutturali jiġu ttrattati mingħajr ebda telf ta’ kwalità tal-ħajja għar-residenti u l-bdiewa madwar il-gżira.Il-grupp temm jitlob lill-politiċi u l-kandidati fid-distrett ta' Ħal Qormi biex jirrevedu l-pjanijiet u jieħdu pożizzjoni favur dik li hija soluzzjoni “fejn jirbaħ kulħadd” kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-awtoritajiet.

Il-pjanijiet, ikkummissjonati mill-Kunsill u ddisinjati mid-ditta tal-arkitettura DAAA Haus jipprevedu wkoll mina b’erba’ karreġġjati minflok il-flyover propost minn Infrastructure Malta. Il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi mmexxi mill-Partit Laburista kkummissjona dawn l-istudji immedjatament wara laqgħa bejn il-Kunsill u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg, li kien wiegħed kemm lill-kunsill kif ukoll lill-pubbliku, permezz ta’ intervista mogħtija lil Times of Malta, li se jikkunsidra alternattivi li ma jinħtieġu l-użu ta' art agrikola.

 

More in Politika