Il-Koħħu jirreferi għal biċċa xogħol kbira ma' Cardona u Ministru preżenti

Vince Muscat jimplika li Ministru fil-Kabinett preżenti f'biċċa xogħol kbira preċedenti illi jgħid li fiha kien imdaħħal ukoll Chris Cardona

Vince Muscat  - li ammetta l-ħtija fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - għamel referenza mingħajr wisq dettalji dwar "biċċa xogħol kbira" li kienet tinvolvi lill-eks Ministru Chris Cardona - li llum ssemma' mill-ġdid mill-Koħħu -  u Ministru kurrenti.

Muscat illum qal, meta kien qed jiġi mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi li qed jidher bħala parte civile, illi Cardona kien qrib ħafna tal-aħwa Degiorgio, tant li darba George Degorgio qallu li se jiltaqa' mal-eks Ministru Cardona "minħabba Daphne" u staqsih biex iwasslu l-Portomaso.  Għal xi żmien Cardona kien jgħix f'appartament fil-Portomaso, b'allegazzjonijiet illi dan l-appartament kien mogħti lilu minn Yorgen Fenech - xi ħaġa li Cardona dejjem ċaħad.  L-eks Ministru fil-fatt kien ippubblika l-kuntratt tal-kirja li kien datat l-1 ta' Diċembru 2014, għal appartament ta' 100 metru kwadru għal 10 xhur għal kirja ta' €1,400 fix-xahar. 

Fil-Qorti dalgħodu Muscat qal illi jiftakar lil Alfred Degiorgio jistaqsih x'jaħseb dwar laqgħa ma' Cardona u meta mistoqsi jekk din il-laqgħa kinitx dwar "biċċa xogħol kbira" li kienet diġà seħħet, il-Koħħu kkonferma.  

Mistoqsi aktar minn Azzopardi, Muscat qal li din il-biċċa xogħol tinvolvi Ministru fil-Kabinett ta' bħalissa. 

Il-ġurnal The Times of Malta, kien żvela kif Vince Muscat kien ta informazzjoni lill-pulizija dwar serqa tal-HSBC fl-2010 li marret ħażin  u kien ta dettalji ta' politiku. 

Il-PM għandu jidentifika lil dan il-Ministru u jkeċċieh

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li wara x-xhieda mogħtija llum, "il-Prim Ministru ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li pubblikament jidentifika l-Ministru li għalih qed jagħmel referenza x-xhud Vincent Muscat u minnufih ikeċċieh minn Ministru."

Il-PN qal li l-Prim Ministru għandu wkoll l-obbligu jiżgura li l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna jkunu ħielsa minn kwalunkwe indħil politiku biex ikunu jistgħu jieħdu kwalunkwe azzjoni li tirriżulta li hija meħtieġa fil-konfront ta' Chris Cardona u tal-Ministru li s'issa ismu għadu sigriet.

U finalment l-ADPD sostniet illi fid-dawl ta' dak li ntqal fil-Qorti illum fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, "nistennew li l-Prim Ministru jaghmel stqarrija immedjata u jieħu passi immedjati."

Intant ara hawnhekk kif George Degiorgio kien jibgħat messaġġi lil Daphne Caruana Galizia u ara hawnhekk kif kien hemm pjan ieħor għall-qtil ta' uffiċjal tal-pulizija.

More in Politika