Cutajar tiċħad li ħadet senserija minn ftehim dwar proprjetà li kien se jixtri Yorgen Fenech

Id-Deputata takkuża lis-sid tal-proprjetà b'gideb u theddu li se żżommu responsabbli għall-ħsara li dawn l-allegazzjonijiet għamlu lill-karriera politika tagħha

Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar ċaħdet l-allegazzjonijiet li kienet daħlet senserja minn ftehim dwar proprjetà fl-Imdina li kien se jixtri Yorgen Fenech.

F'risposta għall-protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet mis-sid tal-proprjetà, Cutajar qalet li se tkun qed iżomm lill-istess sid responsabbli għal dawn l-allegazzjonijiet, li fi kliemha għamlu ħsara lill-karriera politika tagħha.

Il-protest ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet minn Joseph Camilleri, sid benefiċċjarju ta' Green Eyes Ltd. Hu qed jinsista li kien ħallas is-senserija (€89,000) wara li ġie ffirmat konvenju fl-14 ta' Mejju 2019, fuq il-kundizzjoni li la Cutajar u lanqas seħibha Carmel Farrugia ma joħduhom qabel ikun iffirmat il-kuntratt finali.

Fil-fatt, kien ġie żvelat li Cutajar u Farrugia kienu aġixxew bħala sensara bejn Yorgen Fenech u s-sid tal-proprjetà li tiswa €3.1 miljun u dan minkejja li dak iż-żmien kulħadd kien jaf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Din il-kumpanija kienet deskritta bħala target client tal-kumpaniji li l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri kienu fetħu fil-Panama. Kien żvelat ukoll li f'din il-kumpanija kienu daħlu flus mill-aġent tat-Tanker tal-LNG f'Delimara, fost oħrajn.

Fenech qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ġie arrestat f'Novembru tal-2019 u għalhekk il-konvenju waqa' Madanakollu, skont is-sid, la Cutajar u lanqas Farrugia ma taw is-senerija lura.

Cutajar wissiet lil Camilleri biex ma jkomplix għaddej b'dawk li hi qed tiddeskrivhom bħala allegazzjonijiet bla bażi u malizzjużi. Ċaħdet ukoll li hi diġà ħallset €2,000 mill-ammont globali. Hedditu wkoll b'azzjoni legali.

Rosianne Cutajar kienet irriżenjat b'mod temporanju mill-Kabinett, sakemm tkun konkluża investigazzjoni li għaddejja mill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika, George Hyzler.

Qed ikun allegat li b'kollox, Cutajar daħlet madwar €46,500 minn dan il-ftehim, bil-gazzetta The Times of Malta tgħid ukoll li Cutajar ħadet €9,000 diretti mingħand Yorgen Fenech u li anke kien hemm messaġġi tal-WhatsApp bejniethom fejn talbitu għajnuna finanzjarja biex tagħmel sondaġġ fuq id-distrett tagħha.

More in Politika