Il-Gvern iħabbar li se jerġa' jagħti l-benefiċċju lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux imorru x-xogħol minħabba l-għeluq tal-iskejjel

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILUM irrappurtat ilmenti ta' ġenituri li ma jistgħux imorru għax-xogħol biex jibqgħu ma uliedhom

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u -Drittijiet tat-Tfal qiegħed jerġa jintroduċi skema bil-għan li jitħallas benefiċċju lil dawk il-ġenituri bi tfal taħt is-16-il sena, u li ma jkunx possibbli li jaħdmu mid-dar u li minhabba l-għeluq tal-iskejjel jkunu fuq leave bla ħlas f’xi żmien bejn il-15 ta’ Marzu u l-11 ta’ April 2021, biex jieħdu ħsieb ‘l uliedhom.

Il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM irrappurtat proprju dwar dan il-fatt u ilmenti ta' diversi ġenituri li mill-bieraħ kellhom jibqgħu d-dar ma' uiedhom. 

Din l-iskema se tapplika għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat ħlief dawk li jaħdmu ma’ kumpaniji privati, u li qed jaħdmu jew jagħtu servizzi essenzjali f’xi dipartiment jew entità tal-Gvern.

L-iskema hija applikabbli għal ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena, f’koppja miżżewġa, f’unjoni ċivili jew f’koabitazzjoni skont il-Liġijiet ta’ Malta, fejn iż-żewġ membri tal-koppja jaħdmu, jew ġenitur waħdu ta’ tfal taħt is-16-il sena, li:

Jaħdem full-time jew part-time fis-settur privat;

Ma jistax jaħdem mid-dar;

Ma jistax imur għax-xogħol biex jieħu ħsieb it-tfal, f’xi perjodu bejn il-15 ta’ Marzu u l-11 ta’ April 2021;

Ikun fuq leave bla ħlas;

Min iħaddmu ma jkunx qed jirċievi l-Wage Supplement għalih.

Fil-każ ta’ koppja fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u t-tnejn ma jistgħux jaħdmu mid-dar, il-benefiċċju jitħallas lil wieħed jew waħda miż-żewġ ġenituri.

Din l-iskema tikkonsisti f’dan li ġej:

persuna li taħdem full-time u tiġi eliġibbli, tibda titħallas dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ €166.15 fil-ġimgħa;

persuna li taħdem part-time u tiġi eliġibbli, tibda titħallas dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ €103.85 fil-ġimgħa;

Il-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tkun imħallsa sabiex id-drittijiet għal pensjoni kontributorja jkunu mħarsa matul il-perjodu li jdum jitħallas dan il-benefiċċju;

Ir-rata taċ-Children’s Allowance imħallsa taħt l-Att tista’ tiġi aġġustata skont id-dħul il-ġdid u tista tiżdied skont il-każ;

Min għandu dritt għall-In Work Benefit jibqa’ jirċievih bla waqfien u mingħajr tnaqqis;

Min għandu dritt għat-Tapering tal-Benefiċċji jibqa’ jirċievih bla waqfien u mingħajr tnaqqis;

Il-pagament tal-benefiċċju dovut lill-persuna eliġibbli se jibda jitħallas dirett fil-kont bankarju tal-applikant kull ġimgħa.

L-applikazzjoni għall-benefiċċju tinsab online fis-siti socialsecurity.com.mt u familja.gov.mt.

More in Politika