‘Ilna seba’ xhur magħluqa u għalina ma kien hemm l-ebda kumpens dirett kif ħadu r-ristoranti u l-barijiet’ – Is-sidien tan-nightclubs jilmentaw

Minkejja li ilhom minn Awwissu magħluqa u ma hemm l-ebda indikazzjoni li se jkunu qed jiftħu fil-futur qrib, is-sidien tan-nightclubs ilmentaw mal-gazzetta ILLUM kif huma qatt ma bbenefikaw minn kumpens dirett l-istess kif ħadu r-ristoranti, il-bars u l-każini li ntalbu jagħlqu 

Minkejja li ilhom li għalqu minn Awwissu li għadda u x’aktarx ikunu l-aħħar li jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, is-sidien tan-nightclubs qatt ma rċevew għajnuna diretta, l-istess kif irċevew is-sidien tar-ristoranti, il-bars u anke l-każini.

Sidien ta’ nightclubs li tkellmu mal-gazzetta ILLUM ilmentaw kif minkejja li bħal negozji oħra jieħdu s-suppliment tal-paga u anke ngħataw għajnuna biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija u l-kera (fejn hemm bżonn), qatt ma kien hemm għajnuna indirizzata direttament għalihom, minkejja li fi kliemhom “huma l-agħar li marru.”

Fil-fatt, in-nightclubs kellhom jagħlqu f’Awwissu li għadda wara li kienu fetħu biss għal ftit ġimgħat fis-sajf, qabel ma reġgħu bdew jiżdiedu l-każi lejn l-aħħar ta’ Lulju.

Wieħed mis-sidien fakkar mal-gazzetta ILLUM li huma lanqas mill-vouchers li qassam il-Gvern ma gawdew. Apparti minn hekk, in-nightclubs, kemm ilhom magħluqa, ħadu l-istess suppliment tal-paga li baqgħu jirċievu r-ristoranti u negozji oħra minkejja li kienu għadhom miftuħa u setgħu joperaw sa ftit jiem ilu.

Sid ieħor spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu applika għall-iskema li ħareġ il-Gvern biex jgħin lill-każini u anke lill-barijiet li wkoll intalbu jagħlqu minn Ottubru li għadda. 

Madanakollu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmi infurmawh li hu ma japplikax għaliha, iżda jista’ jibbenefika biss mill-pagament ta’ darba ta’ €1,000 li l-Gvern qed joħroġ għas-sidien tar-ristoranti u l-isnackbars li ntalbu jagħlqu l-ġimgħa li għaddiet.

“Jiena ma għandix liċenzja ta’ snackbar biss. Għandi l-liċenzja ta’ nightclub u disco,” saħaq is-sid ta’ wieħed mill-aktar stabbilimenti ta’ divertiment popolari f’Malta. “Aħna l-aktar li ilna magħluqa.”

Jidher ukoll li meta sidien ċemplu u lmentaw, qalulhom biex jagħmlu kuntatt mal-Malta Enterprise dwar dan u l-għajnuna li qed jitolbu.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, iżda qalilna biss biex inkellmu lill-Ministeru għat-Turiżmu.

L-ILLUM hekk għamlet u staqsiet lill-Ministeru għat-Turiżmu jekk is-sidien tan-nightclubs humiex se jirċievu għajnuna diretta, l-istess kif ħadu r-ristoranti, il-bars u l-każini li ntalbu jagħlqu l-bibien tagħhom.

Kelliem għall-Ministeru weġibna hekk: “Kontinwament, il-Gvern qiegħed jassisti lil dawn is-sidien permezz tas-suppliment tal-paga. L-iskemi jingħataw skont il-liċenzja li jikklasifikaw għaliha.”

Aqra wkoll:

More in Politika