Covid-19 | 'L-isptar ma jiflaħx aktar'; Il-PN jappella għal sagrifiċċju akbar mingħand kulħadd

Claudette Buttigieg tappella għal sforz kollettiv waqt li saħqet li l-miżuri mħabbra mill-Gvern u l-vaċċin waħedhom mhumiex biżżejjed

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri saħaq li l-isptar ma jiflaħx aktar għax qed jiżdiedu l-pazjenti bil-Covid-19 li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar u anke fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, għad-dettriment ta' pazjenti oħra li għandhom bżonn kura għal mard ieħor.

Spiteri qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha saħaq li issa qed jintuża s-sitt ITU f'Mater Dei.

"Kemm se ndumu nfittxu toqob fl-isptar biex nagħmlu aktar sodod," insista Spiteri waqt li tenna li issa anke fi swali fejn hemm pazjenti b'mard tal-qalb mhux qed ikun hemm biżżejjed infermiera biex tingħata attenzjoni individwali li kull pazjent.

Insista li dan mhuwiex tort tat-tobba jew l-infermiera imma minħabba s-sitwazzjoni li, fi kliemu, ma għadhiex taħt kontroll waqt li kkritika lill-Gvern li ġab din is-sitwazzjoni b'idejh kemm minħabba messaġġi li għadda u anke għax ma ħax miżuri f'waqthom.

Qal li żdied ukoll il-ħin tal-istennija anke fl-emerġenza. Dan apparti mard ieħor li ma jidhirx iżda li wkoll jeħtieġ jingħata attenzjoni, fosthom il-mard mentali li qed jiżdied.

"L-effett fuq il-kura u s-servizzi tas-saħħa huwa dak li għadni kemm iddiskrivejt. Din hija r-realtà u jgħiduha l-ħaddiema tal-isptar, il-pazjenti u l-qraba tagħhom. L-isptar tagħna ma jiflaħx aktar," insista Spiteri.

Il-PN itenni l-appell għal miżuri aktar b'saħħithom fl-ajruport u fil-portijiet

Irrefera wkoll għal kummenti tal-President tal-Assoċjazzjon tat-tobba Maltin (MAM), Martin Balzan, meta llum qal li l-Gvern mhux qed jieħu l-pariri tal-esperti u x-xjentisti.

Filwaqt li insista li l-Oppożizzjoni għandha fiduċja sħiħa fil-programm tal-vaċċinazzjoni, insista li hemm bżonn miżuri stretti u f'posthomi biex tkun ikkontrollata l-imxija.

Irridu nkunu ċari mal-poplu u ma nofrux sens falz ta' sigurtà meta s-sitwazzjoni hija bil-kontra

Fost dawn, sejjaħ għal miżuri aktar b'saħħithom fl-ajruport u fil-portijiet, fosthom ta' rapid testing u screening aktar b'saħħtu.

Insista li t-theddida ta' varjanti oħra għadhom jeżistu.

"Irridu nkunu ċari mal-poplu u ma nofrux sens falz ta' sigurtà meta s-sitwazzjoni hija bil-kontra," insista.

'Il-contact tracing qiegħed b'disat ijiem b'lura'

Dwar il-contact tracing, qal li dan qiegħed lura b'disat ijiem

"F'dawk il-ġranet, persuna li ġiet f'kuntatt ma' persuna pożittiva, tista' tinfetta lill-oħrajn," saħaq waqt li tenna li l-contact tracing u l-infurzar huma għdod importanti daqs il-vaċċin.

'Il-pariri qed noħduhom mingħand esperti li twarrbu mill-Gvern'

Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg fakkret fit-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tkun imsejħa emerġenza tas-saħħa pubblika, biex is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tingħata aktar poter u biex ikun hemm tim ta' esperti li jkunu qed jaħdmu id f'id mal-awtoritajiet biex jittieħdu l-miżuri u d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.

"Dan għandu jkun immexxi minn professjonti u esperti bil-minuti tal-laqgħat ikunu ppubblikati biex ikun hemm aktar trasparenza," insistiet. 

Buttigieg saħqet li dawn il-pariri, l-Oppożizzjoni qed iġġibhom mingħand esperti li twarrbu mill-Gvern minkejja li kienu qed iwissu u jipprevedu dak li kien se jiġri.

'Il-miżuri li ħabbar il-Gvern mhumiex biżżejjed ... Irridu nagħmlu pass 'il quddiem ilkoll flimkien'

Qalet li dawn huma dawk l-esperti u l-assoċjazzjonijiet li qed jaħdmu direttament fl-isptarijiet u qed imissu b'idejhom is-sitwazzjoni tal-pandemija u dak li għaddejin minnhom pazjenti varji.

kont l-esperti l-miżuri li ħabbar il-Gvern mhumiex biżżejjed ... Irridu nagħmlu pass 'il quddiem ilkoll flimkien. Irridu noqgħodu fi djarna u nagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa

'Skont l-esperti l-miżuri li ħabbar il-Gvern mhumiex biżżejjed ... Irridu nagħmlu pass 'il quddiem ilkoll flimkien. Irridu noqgħodu fi djarna u nagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa. Bħali rajtu n-nies, ilbieraħ fit-toroq. Dan mhuwiex il-mod kif se nikkontrollaw il-virus, speċjalment il-varjant. Liż-żagħżagħ infakkarhom li l-varjant il-ġdid huwa ferm aktar perikoluż. Ħudu ħsieb ta' saħħitkom. Naf li għandkom xewqa biex tkunu ma sħabkom. Imma intom tridu tagħmlu sagrifiċċju akbar għax għadkom ma ħadtux il-vaċċin. Il-vaċċin mhuwiex l-uniku soluzzjoni."

Insistiet li jekk mhux se jkun hemm sforz kollettiv, il-ġimgħat li ġejjin se jkunu iebsa ħafna.

More in Politika